Wednesday, December 25, 2024

Deputat tal-PL jaqbad il-barri minn qrunu dwar ir-realtajiet taż-żgħażagħ

Omar Farrugia jisħaq dwar il-bżonn li l-politika tindirizza liż-żgħażagħ biex jibnu l-familji t'għada

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt wieħed mill-aħħar diskorsi parlamentari d-Deputat Laburista Omar Farrugia qabad il-barri minn qrunu fejn jidħlu ż-żgħażagħ u l-interess tagħhom fil-politika. Huwa qal li minkejja li jinsab lejn l-aħħar fażi ta’ żgħożitu, fl-aħħar xhur u anke snin tkellem ma’ diversi persuni ta’ etajiet li jvarjaw fil-fażi taż-żgħożija. Sostna li ż-żgħażagħ huma ħafna iżjed attivi milli naħsbu, iżda ma

jindirizzawx l-ħsibijiet tagħhom bil-mezz tal-politiċi, iżda b’mezzi oħra. Tkellem fost l-oħrajn dwar suġġetti bħalma huwa l-ambjent u li ż-żgħażagħ jinteressahom ħafna minnu u dan ħareġ minn studji li saru fl-aħħar snin. Saħaq li policies mhumiex politiċi u li n-narrattivi u l-metodi ta’ komunikazzjoni tal-politika ta’ għada jeħtieġ li tinbidel. Kompla biex jgħid li l-ġenerazzjoni li tiela’ se tkun kapaċi tagħmel distinzjoni billi tagħrbel is-sitwazzjoni, hija ġenerazzjoni li twieldet ma’ Facebook, Instagram u Tik Tok, u se tkun kapaċi twieżen il-veru mill-falz.

Huwa jemmen li l-politiċi ta’ għada jekk iridu jaslu maż-żgħażagħ iridu jkunu trasparenti, deċiżivi u attivi għax l-importanti mhuwiex x’jingħad iżda xi jsir.

“L-ambjent ilna ħames snin nisimgħu fuqu, iżda ħafna jgħidulna li mar lura. Irridu nagħmlu aħjar u l-fatt li dan il-Gvern tah daqstant prijorità fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura, turi l-impenn li għandna f’dan il-qasam. Pero kif għidt, il-ġudizzju se jsir fuq ir-riżultati u aħna determinati li nwasslu għal dak it-tragward ukoll”, żied jgħid Farrugia.

Iż-żgħażagħ se jdumu jaħsbuha qed jippjanaw iżjed fit-tul

Qasam ieħor importanti għaż-żgħażagħ huwa l-livell tal-għajxien u l-abbiltà li wieħed jixtri post diċenti. Farrugia rrimarka li persuna jekk koppja li jaslu biex jixtru post ta’ 27 jew 28 sena bla ma jridu jaħsbu fil-futur. Bla ma jridu se jistaqsu jekk dak il-post li jkunu qegħdin jevalwaw jagħmilx sens biex ikabbru l-familja ftit tas-snin wara.  

Huwa nnota wkoll li l-aċċessibbiltà ta’ proprjetà mhix biss sfida għall-Maltin u li bliet kbar oħra għandhom prezzijiet ferm ogħla minn dawk f’pajjiżna. 

“Tista’ tmur fiċ-ċentru ta’ Milan jew Madrid, u appartament ikun jiswa €2 miljuni, imma ftit Kilometri bogħod issib appartament id-doppju fid-daqs bi prezzijiet ferm iktar affordabbli. Din mhix se tiġri f’pajjiżna għax aħna qisna fiċ-ċentru ta’ belt u d-daqs tagħna tfisser li tingħalaq ’il barra mis-suq”, tenna Farrugia filwaqt li saħaq li din hija problema għaż-żgħażagħ kollha u mhux biss gall dawk bi dħul baxx.

Din iġġib sfida fuq żewġ fronti. Fuq naħa għandek dawk li qed jispiċċaw itawlu iż-żmien biex joħorġu mid-dar sakemm iżidu l-pagi tagħhom biex jixtru l-proprjetà li tagħmel sens għall-futur tagħhom u t-tieni hija l-problema tal-kirjiet. Hawnhekk huwa tkellem dwar ir-realtà li minħabba l-piż tal-kirjiet li r-rata tagħhom mal-valur hija għolja ħafna f’pajjiżna, dawk li jidħlu fil-kera qegħdin isibuha iktar diffiċli jinvestu minħabba spejjeż biex jgħixu għal rashom.

Il-gvern irid ikun għaqli biex l-inċentiv igawdi minnu x-xerrej

Filwaqt li kompla biex jelenka numru ta’ għajnuniet li kien kapaċi joffri l-gvern f’dawn l-aħħar snin, id-deputat Laburista kompla biex jgħid li l-policies tal-Gvern iridu jkunu ffukati tajjeb biex kemm jista’ jkun ma jispiċċawx jgħaddu dak l-inċentiv lil min qed ibigħ, minflok liż-żgħażagħ kif tkun intenzjonata l-idea. Iktar kemm koppja ttawwal, iktar jkun qasir iż-żmien tal-pagamenti tas-self biex jintraddu lura. 

“Jekk naqbdu koppja ta’ 27 sena b’pagi akkumulattivi ta’ €40,000, għandek propjetà ta’ €340,000. F’dan is-suq se ssib postijiet. Iżda jekk minflok €20,000 kull wieħed, il-koppja taqla’ €15,000 kull wieħed, il-valur tas-self li jistgħu jieħdu, jinżel minn €340,000 għal €220,000. €10,000 differenza fis-sena għal kull koppja, tmur minn post affordabbli b’kumdità, għal post b’limitazzjonijiet jekk koppja taspira li tkabbar familja”, saħaq Farrugia.

Kontra t-teorija li ż-żgħażagħ Maltin ma jridux tfal

Ftit tal-jiem ilu ħarget statistika tal- Eurostat, li wriet li f’Malta r-rata ta’ twelid hija l-inqas waħda fl-Ewropa, b’1.13 il-wild għal kull mara. Ma’ Malta, fil-qiegħ tal-klassifika, hemm Spanja u l-Italja. Min-naħa tiegħu l-membru parlamentari qal li jemmen li r-raġuni prinċipali għal dan ir-riżultat f’Malta hija l-affordabbiltà li jkollok it-tfal minħabba spejjeż ta’ materjali relatati li kulma jmur qegħdin jogħlew.

Saħaq li ma jemminx li t-teorija li l-koppji żgħażagħ Maltin ma jixtiqux li jkollhom iżjed tfal hija minnha, iżda jżommu lura minħabba ċertu spejjeż li jakkumulaw ma’ piżijiet bħalma huma s-self fuq residenza jew karozza fost l-oħrajn.

Tkellem ukoll dwar il-ħaddiema barranin u qal li nutli ħafna qegħdin jilmentaw minħabba dawn il-ħaddiema jekk id-domanda hija daqstant maġġuri. Saħaq li l-ekonomija għandha bżonn, u se jibqa’ jkollha bżonn, ħaddiema barranin jekk kemm-il darba ma titjiebx ir-rata tat-twelid fost in-nisa Maltin

Filwaqt li għalaq b’sensiela ta’ domandi fuq fomm iż-żgħażagħ, Farrugia tenna li ż-żmien li l-ulied jivvutaw abbażi tat-twemmin tal-ġenituri qed jispiċċa u li jekk din il-“lealtà għamja” tkompli tonqos, il-ġenerazzjonijiet futuri se jkunu qegħdin isaħħu d-demokrazija ta’ pajjiżna skont l-azzjoni u mhux d-diskors.  

Ekonomija

Sport