Wednesday, July 24, 2024

“Determinat li noħroġ lil dan il-pajjiż mill-pandemija qawwi u sħiħ”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għal min iħobb jivvinta l-istejjer, il-PM u jien dejjem fl-istess paġna għax aħna tim wieħed”

Il-Ministru tas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru beda d-diskors tiegħu fil-Mellieħa billi qabbel lil dan il-gvern mal-baħħar li jbaħħar fil-maltemp. Huwa qal li fil-bnazzi kulħadd kapaċi jdaħħlu fil-port.

Fearne qal li fl-aħħar xhur kellna maltemp, iżda jħalli f’idejn il-poplu biex meta tgħaddi t-tempesta, il-poplu jiġġudika kif dan il-gvern mexxa matul dawn l-isfidi tal-pandemija.

Tkellem dwar l-isfidi tal-ekonomija u tas-saħħa. Qal li fl-ekonomija kien hemm żewġ għażliet; jew li l-gvern jindaħal mill-anqas, jew li l-gvern jidħol u jgħin fl-ekonomija bla ma jħalli lill-batut jinġarr mill-maltemp.

Tkellem dwar l-iskema tal-Wage Suppliment li swiet lill-gvern miljuni ta’ Ewro, skema li tista’ titfa’ pajjiż f’deficit. Minkejja dan huwa żied jgħid li dawn l-iskema se jgħinu biex meta tgħaddi l-pandemija mhux noħorġu nzappu bil-krozzi, iżda bil-muskoli preparati biex niġru.

Fearne semma wkoll dwar l-isfida tas-saħħa. Huwa fakkar it-tir li kellu dan il-gvern fil-bidu tal-pandemija, gvern li wiegħed li jkollu fejn jikkura lil kull min jiġi bżonn. Fakkar dwar iż-żieda fir-riżorsi biex tiġi kkontrollata l-pandemija. Hawnhekk ħa l-opportunità biex jirringrazzja lill-frontliners li għaddejjin minn żmien diffiċli ħafna.

Id-DPM ma naqasx milli jgħaddi kummenti dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-PM u qal li “għal min iħobb jivvinta l-istejjer, jiena u l-Prim Ministru dejjem fuq l-istess paġna għax aħna tim wieħed”.

“Determinat li noħroġ lil dan il-pajjiż mill-pandemija qawwi u sħiħ”

Waqt l-intervent tiegħu l-Prim Ministru kompla fejn ħalla d-DPM Chris Fearne u qal li rridu realistiċi u nammettu li kienet sena ta’ sfidi. Qal li minkejja kollox huwa għandu fiduċja sħiħa fin-nies għax iħobb lil pajjiżu u jrid jarahom kuntenti. Abela qal li jitkellem b’ottimiżmu għax għandu l-analiżi u l-figuri f’idejh li juru li bħala mexxej għandu l-polz tan-nies. Tkellem dwar persuni fis-soċjetà li kellmuh dwar id-diffikultajiet tagħhom; is-sidien tal-bars u l-każini li kellhom jagħlqu, persuni li tilfu xogħolhom, iżda fortunatament sabu xogħol ieħor, studenti li kellhom part time, iżda spiċċaw mingħajru minħabba sidien li għażlu li jagħtu prijorità lill-full timers, fost ħafna oħrajn.

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-iskema tal-Wage Suppliment li rażżnet il-qgħad u pajjiżna beda jerġa’ jirkupra. Semma r-rata tat-taxxa fuq il-bejgħ tal-proprjetà li wasslet għal bejgħ rekord ta’ proprjetà waqt pandemija. Huwa kkonferma li bħala partit tal-ħaddiema, l-iskema hija xi ħaġa assigurtata sa Marzu li ġej, iżda ma eskludiex l-possibbilità li din tiġi estiża għax-xhur ta’ wara.

Rigward l-edukazzjoni, Abela qal li l-ftuħ tal-iskejjel b’mod fiżiku hija waħda mill-aqwa għodod biex inrażżnu l-infezzjonijiet fil-komunità. Fakkar dwar l-investiment ta’ €30 miljun biex l-iskejjel setgħu jiftħu b’mod sigur u l-edukaturi li se jkunu qed jingħataw prijorità fil-proċess tat-tilqim kontra l-pandemija. Għamilha ċara li pajjiżna ma jistax jippermetti li l-edukazzjoni tat-tfal tagħna taqa’ lura u nitilfu ġenerazzjoni ta’ tagħlim. Minkejja li ddispjaċih li tħabbar l-istrajk tal-MUT, Abela qal li jifhem l-isfidi li qed jaffaċċjaw. Spjega li bħala ġenitur ġab quddiem għajnejh l-istudenti li għandhom bżonn li jiltaqgħu ma’ tfal oħra u l-ġenituri li ma jifilħux għal aktar piżijiet, b’mod speċjali dawk li jaħdmu. Żied jgħid li waqt dan id-djalogu kellu l-komfort tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci. 

Rigward il-kritika tal-Oppożizzjoni għax-xewqa tal-Prim Ministru li nirritornaw lura għan-normalità sħiħa, Abela staqsa jekk hawnx xi ħadd li ma jixtieqx jerġa’ jgħannaq mill-ġdid lill-vulnerabbli tiegħu, jiċċelebra Milied b’mod tradizzjonali jew li jsiefer fuq btala. Qal li din il-kritika ġejja minn oppożizzjoni li deputat tagħha, b’arroganza jordna lil ġurnalist biex jiftaħlu l-bieba tal-karozza.

Abela tkellem dwar il-mitt sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista u s-sena mill-bidu tal-ħidma tiegħu. Qal li jkollu jammetti li jieħu nifs twil meta jara dak kollu li għaddejna minnu, iżda wiegħed li se jkompli jaħdem dejjem iżjed biex imexxi lil dan il-pajjiż bl-aħjar mod possibbli għall-ġid ta’ kulħadd.

Ekonomija

Sport