Thursday, November 28, 2024

“Determinati li ma nsabbtux bibien f’wiċċ il-vittmi ġenwini ta’ din il-pjaga soċjali”

Tagħlaq il-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper ‘Ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga’

Aqra wkoll

Sottomissjonijiet minn stakeholders u ċittadini fost oħrajn urew rispons pożittiv f’konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma għal ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga. Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni laqa’ dan ir-rispons fuq riforma importanti li l-għan warajha hu bilanċ ġust u effettiv bejn l-interess tat-twettiq tal-ġustizzja u r-riabilitazzjoni ta’ vittmi tad-droga.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders prinċipali fosthom is-Sedqa, il-Caritas u l-OASI, kif ukoll laqgħat mal-pubbliku. Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard spjega li l-ammont notevoli ta’ sottomissjonijiet pożittivi li saru fil-konsultazzjoni pubblika huma l-akbar prova ta’ kemm kienet neċessarja din ir-riforma.

Ir-rispons mill-istakeholders u l-pubbliku ser ikomplu jsaħħu l-għan prinċipali tal-Gvern, dak li joffri ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga. Fl-istess waqt li l-Gvern jibqa’ katalist ta’ riformi għal soċjetà aktar ġusta, ser ikompli jissokta bil-ħidma tiegħu kontra t-traffikar tad-droga. “Morna għand dawk li ta’ kuljum ikollhom kuntatt ma’ dawk li huma verament vittmi tad-dipendenza fuq id-droga. Dawn l-esperjenzi jżidu d-determinazzjoni tagħna li ma nsabbtux bibien f’wiċċ il-vittmi ġenwini ta’ din il-pjaga soċjali, li jixtiequ jirriabilitaw irwieħhom u saħansitra oħrajn li diġà bdew dan il-proċess biex itejbu ħajjithom”, saħaq il-Ministru Jonathan Attard.

Il-Ministru Jonathan Attard innota wkoll li anke dawk li għal ġimgħat sħaħ ħarġu jappellaw biex tiġi rtirata din ir-riforma, illum għarfu kemm din hija riforma neċessarja tant li ħarġu favur il-maġġoranza assoluta ta’ dak propost fir-riforma. Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jirringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw fil-proċess u jħares ’il quddiem li janalizza s-sottomissjonijiet varji ta’ dawk kollha li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika, u jmur għall-pass li jmiss, dak leġiżlattiv.

Sport