Monday, May 13, 2024

“Dħalna tfal … ħriġna irġiel… kburin li ħdimna fl-Air Malta, kumpanija li ħabbejna”

Aqra wkoll

“L-Air Malta kienet qisha it-tieni dar tagħna. Jien ngħid li l-Air Malta kienet it-tieni mħabba tiegħi. Konna naħdmu bil-qalb. Konna kburin li qegħdin nagħtu servizz lill-pajjiż u lill-klijenti tagħna. L-esperjenzi se nibqgħu nżommuhom f’qalbna. Hemm esperjenzi li ma tiddejjaqx tirrakkontahom, oħrajn ngħid li jmutu miegħi. Tgħallimt ħafna. Ħafna minnha dħalna hawn tfal u ħriġna irġiel. Aħjar nieqaf hawn għax se nemozzjona ruħi”.

Dan kien il-kumment li għaddielna ħaddiem, meta tkellem ma’ dan is-sit u li ma naqasx li jemozzjona ruħu meta tkellem dwar l-aħħar ġurnata tal-operat tal-Air Malta.

“Ma nixtieqx li nidher jien. Ma naħsibx li jien daqshekk importanti. F’din il-ġurnata nemmen li l-attenzjoni għandha tkun biex jitfakkar il-ġid kbir li għamlet l-Air Malta. Mhux biss fis-servizz li tat imma lilna l-ħaddiema li bnejna l-futur tagħna u l-familja minn hawn. Tista’ ma taqbiżlix demgħa. Jien fl-Air Malta nara it-tfal tiegħi. Illum kibru, imma rabbejthom minn hawn. M’hawn xejn għal dejjem, imma hi weġgħha li taraha tagħmel l-aħħar titjira. Ħabbejniha lil din il-kumpanija, aħna l-ħaddiema”. 

Waqt li lbieraħ kien l-aħħar jum għall-kumpanija nazzjonali Air Malta, mil-lum stess tibda topera il-linja KM Malta Airlines.  Il-bidla baret proprju  fil-50 anniversarju tal-ewwel vjaġġi tal-Air Malta. Kien fl-1 ta’ April tal-1974 li l-Air Malta operat l-ewwel titjiriet fosthom lejn Londra. 

Id-deċiżjoni li l-Air Malta tieqaf topera ittieħdet mill-Gvern meta deher li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx se tapprova għajnuna  finanzjarja mill-Gvern ta’ xejn inqas minn €290 miljun.

Ħafna isellmu lill-Air Malta 

Is-sit soċjali ‘Vjaġġa’ ikkumment li “bħala Vjaġġa ħassejna li għandna niddedikaw post lil linja nazzjonali ta’ pajjiżna Air Malta li propju llum (is-Sibt) ser tkun qegħda tagħmel l-aħħar titjiriet uffiċjali tagħha. Żgur mhux forsi kollha kemm aħna esperjenzajna vjaġġ b’din il-linja tal-ajru u ejja ngħidu kif inhi, kemm inħossuna kburin meta nkunu ġo ajruport u naraw dak l-ajruplan bid-denb ħamrani bis-salib tal-kavallieri bajdani u naraw l-kelma ‘Air Malta’ miżbugħa fuq l-ajruplan.

Il-Kelma “Bonġu”, “Merħba” u “Grazzi” kull darba li nitilgħu u ninżlu minn fuq l-ajurplan. Iva, inħossuna kburin għax din hi l-linja nazzjonali ta’ pajjiżna. Linja tal-ajru nazzjonali ta’  gżira żgħira f’nofs il-Mediterran li bis-saħħa tagħha stajna niskopru l-ewropa u l-kumplament tad-dinja.”

Enfasizzaw li “insellmu lil dawk kollha li ħadmu mal-linja nazzjonali ta’ pajjiżna u ngħidulkom grazzi. L-akbar grazzi tmur lill-piloti u l-‘cabin crew’ li dejjem kienu hemm biex iwasslu lilna l-passiġġieri lejn id-destinazzjoni tagħna u dejjem għamlu minn kollox biex tul it-titjira ma’ jkun jonqosna xejn, lill-ħaddiema tal-uffiċini li dejjem sibnihom ta’ għajnuna f’każ ta’ bżonn, lil ħaddiema tac-Check In Desks u tal-bagalji. Grazzi Air Malta u filwaqt li  minn  hawn insellmulek, nieħdu l-opportunità li  nagħtu merħba lil linja nazzjonali l-ġdida ta’ pajjiżna: KM Malta Airlines.”

Jitkellmu l-ħaddiema….

‘L-avjazzjoni se tibqa parti minn ħajti’

Kienu diversi l-ħaddiema li tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom fil-kumpanija. Ray Sant jikteb li “din kienet  l-aħħar ġurnata tiegħi fl-Air Malta. L-avjazzjoni se tibqa’ parti minni. L-avjazzjoni inħobbha. Saħħa Air Malta”.

‘Għamilt 35 sena naħdem fl-Air Malta…x’memorji”

James Sgheno jgħid li “l-Air Malta waqfet topera bħala linja tal-ajru.  Waqfet topera wara 50 sena. Kemm memorji. Għamilt 35 sena naħdem fiha”.

27 sena xogħol fl-Air Malta…esperjenza straordinarja

Stephen Gauci, eks kap tal-kommunikazzjoni tal-Air Malta jgħid li “meta nirrifletti fuq is-27 sena li għamilt naħdem ma’ din il-linja tal-ajru, jien ngħid li dawn kienu snin straordinarji. Sa minn età żgħira jien kont ingħatajt il-privileġġ li nirrappreżenta lill-Air Malta f’diversi kapaċitajiet.

Grat lejn  il-managers kollha li kelli matul is-snin u tal-fiduċja li urew fija.  Illum jiġuni f’moħħi il-mumenti sbieħ, il-ħbiberiji li għamilt u li se nibqa’ inġorruhom tul ħajti. Ma nistax ma niftakarx f’ħaddiema li ħallewna. Insellem lil dawk kollha li kienu parti mill-vjaġġ tiegħi fl-Air Malta. Nittama li minn din l-esperjenza, ittieħdu l-lezzjonijiet li kien hemm bżonn”. 

Minn Kadett għal pilota

Norman d’Amato, li serva bħala Kaptan mal-Air Malta jikkummenta li “32 sena ta’ servizz. Minn Kadett għal Chief Pilot. Mal-ewwel grupp ta’ piloti Maltin.” Kumment li jurik il-kontribut tal-Air Malta fl-avjazzjoni.

“Memorji li se nibqgħu inġorruhom magħna”

Megan Attard ikkummentat li “it-titjiriet u l-ħidma tagħna fl-Air Malta ħolqu memorji li se nibqgħu inġorruhom għal dejjem. Nirringrazzjaw lill-klijenti leali, it-tim iddedikat u lil dawk kollha li kienu parti mill-familja tal-Air Malta.  Issa se jinbeda kapitlu ġdid b’KM Malta Airlines”.

Spikka l-kumment ta’ l-aġenzija Sharons Travel. Ikkummentaw li “era waslet fi tmiemha. Tlettax-il sena meta lanqas biss kien jgħaddili min moħħi fejn wasalt illum.  Ħabbatt il- bieb u fetħuli. Minn dak inhar sa llum dawk li kienu impjegati saru familja u ħaddiema flimkien.

Sa llum fissirtu ħafna għalija u kieku ma kienx għall-appoġġ tagħkom illum  żgur ma wasaltx hawn waħdi. Grazzi ta’ kollox. Kien ta’ unur għalija kull darba li nuża il-linja ta’ l-ajru ta’ pajjiżi. Kien ta’ pjaċir u unur naħdem ma l-impjegati fis-sezzjoni tal-Groups ta’ l-Air Malta. Nawguralkom min qalbi u nittama li nkomplu flimkien fejn ħallejna. Grazzi Air Malta”. 

Sport