Il-Malta University Debating Union se tkun qed torganizza l-ewwel dibattitu Universitarju bejn il-mexxejja b’rabta mal-Elezzjoni Ġenerali ta’ din is-sena. Dan se jsir aktar tard illum għall-ħabta ta’ nofsinhar fis-Sala Sir Temi Zammit. Għaldaqstant, matul dan id-dibattitu, mhux se jkunu qegħdin isiru lekċers.
Dan id-dibattitu se jkun immexxi minn persuna waħda magħżula minn fost l-istudenti li se tkun qed tressaq mistoqsijiet f’isem l-istudenti kollha. Id-dibattitu fil-qalba tiegħu se jkun qed jiffoka fuq rappreżentanti minn partiti politiċi differenti li huma kandidati tad-distretti elettorali. Dawk l-istudenti li xtaqu jressqu xi mistoqsijiet waqt dan id-dibattitu, kellhom l-opportunità jgħadduhom permezz ta’ e-mail fuq [email protected].
L-attendenza hija limitata għal studenti tal-Università u dawk tal-Junior College. Huwa importanti li kull min se jattendi jkollu miegħu l-e-mail li tkun intbagħtet dakinhar tar-reġistrazzjoni u l-karta tal-identità.
Id-dibattitu se jkun qed jintwera live fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ MUDU u se jkun imxandar live ukoll fuq Campus FM.