Saturday, December 21, 2024

DIESELGATE – 6 SNIN WARA

Aqra wkoll

Għaddew sitt snin minn meta nstab li l-VW kienet qed tqarraq dwar l-emissjonijiet ta’ ċerti karozzi tagħha.  Kienu ħolqu software li bih meta l-karozza tkun qed tiġi ttestjata, jimmarka emissjonijiet li suppost kellha skont l-ispeċifikazzjonijiet tagħha.  Dan minkejja li l-emissjonijiet vera kienu qed ikunu ogħla.

L-ewwel ma ttendew biha kienu l-Amerikani.  Il-gvern Amerikan mal-ewwel ħa azzjoni.  Barra li impona multa ta’ madwar $15biljun, ġiegħel lill-kumpanija biex tagħti kumpens lill-konsumaturi li kellhom dawn il-karozzi li seta’ jwassal sa $10,000 kumpens.  

L-Amerka ma kinitx l-unika post għaliex kien hemm postijiet oħra, bħal l-Awstralja u l-Korea t’Isfel li ħadu passi wkoll.  Biss tal-iskantament kien li fl-Ewropa ħlief diskors ma sarx u kollox baqa’ għaddej qiesu ma ġara xejn.  Il-gvernijiet Ewropej qalu li kellhom jinvestigaw, il-Parlament Ewropew minflok ippressa biex ikun hemm kumpens għall-konsumaturi Ewropej ippressa biex il-livell tal-emissjonijiet jonqsu fil-futur filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea qalet li kienet qed tinvestiga.  Sal-lum, sitt snin wara, għadna ninvestigaw u l-probabilita’ hekk ser nibqgħu – ninvestigaw u ma jsir xejn.

Jien niskanta meta l-istess istituzzjonijiet Ewropej ikkritikaw lil Malta minkejja li kienu qed isiru r-riformi u bl-għajnuna ta’ numru ta’ Maltin tradituri għamlulna ħsara kbira.  Ħsara, li minkejja li sar titjib, xorta għadha hemm.   Biss dawn in-nies imbagħad idawru wiċċhom in-naħa l-oħra meta l-pajjiż ikkonċernat ikun wieħed minn tal-qalba bħal ma hi l-Ġermanja.  

L-istess niskanta meta niftakar il-pressjoni li uffiċċjalment qed tagħmel l-UE fuq it-tniġġiż.  Wieħed mir-riżultati ta’ Dieselgate kien li l-emissjonijiet uffiċċjali kienu kollha skorretti għal żmien twil minħabba dan il-qerq tal-VW.  Wieħed irid jiftakar li skont tagħrif li toħroġ l-UE, hu stmat li fl-UE hemm ‘il fuq minn 70,000 mewt bikrija fis-sena minħabba l-emissjonijiet tal-karozzi. Biss dawn mhux importanti għall-UE la fin-nofs hemm kumpanija Ġermaniża!

Ekonomija

Sport