Sunday, November 24, 2024

Diffiċli għall-Korea t’Isfel kontra l-Portugall

Aqra wkoll

Minn Grupp H, fl-4.00 pm, il-Korea t’Isfel jiltaqgħu kontra l-Portugall f’logħba mill-aktar diffiċli hekk kif iridu joħorġu rebbieħa biex jittamaw li jaqtgħu l-passaġġ għar-round li jmiss li fil-veritá huwa diffiċli.

Huma għandhom punt wieħed biss wara d-draw ta’ 0-0 kontra l-Urugwaj u t-telfa ta’ 3-2 kontra l-Ghana.

Biex il-Koreani jikkwalifikaw huma jridu jirbħu b’differenza ta’ żewġ goals filwaqt li l-Ghana u l-Urugwaj itemmu fi draw.

Il-Portugall diġà kkwalifikaw għar-round tal-Aħħar 16 wara li rreġistraw żewġ rebħiet – Ghana 3-2 u Urugwaj 2-0.  Huma jiggarantixxu posthom fil-quċċata ta’ dan il-grupp billi jevitaw telfa.

Il-Portugall ikunu jridu jagħlqu dan il-grupp b’disa’ punti u għaldaqstant jimmiraw li jirbħu din il-partita.

Għall-Korea t’Isfel Hwang Hee-Chan ma lagħab fl-ebda partita s’issa, minħabba injury fil-hamstring u għalhekk jibqa’ dubjuż għal din il-logħba.

Min-naħa l-oħra għall-Portugall, Danilo Pereira x’aktarx jitlef din il-partita, bħalma għamel kontra l-Urugwaj, minħabba injury fil-kustilji li sofra f’sessjoni ta’ taħriġ.

Nuno Mendes kellu jirtira wkoll f’dik il-logħba minħabba uġigħ li ħass fil-koxxa u għalhekk irid jiġi evalwat.

Otavio x’aktarx jitlef din il-partita wkoll, hekk kif qed ikompli jirkupra minn injury muskolari.

Sport