Thursday, April 25, 2024

“Diffiċli li l-proposta Maltija dwar l-immigrazzjoni ssib appoġġ… il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà ħaslet idejha”

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

L-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant stqarr ma’ Inewsmalta li minn dak li qed jara se tkun xi ħaġa diffiċli ħafna li l-proposta Maltija dwar l-immigrazzjoni ssib l-appoġġ. 

Filwaqt li qal li jittama li sejjer żbaljat, min-naħa l-oħra qal li l-Kummissjoni Ewropea diġà qiegħda taħsel idejha u qalet li hi kwistjoni tal-gvernijiet tal-Italja u ta’ Malta li jmexxu l-portijiet tagħhom skont il-liġi internazzjonali. Semma wkoll li l-Kummissjoni qalet li hi tkun tista’ tintervjeni biss jekk u meta jkunu daħlu l-immigranti irregolari, biex tara kif u fejn se tippostjahom mal-Ewropa fuq bażi volontarja. 

Sant qal li min-naħa tiegħu hu għafas fuq il-pożizzjoni tal-Gvern Malti, kif imfissra mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, li għandu jkun hemm sforz finanzjarju Ewropew ta’ għajnuna umanitarja għas-600,000 refuġjat, li jitwassal lilhom direttament fil-Libja, għax żgur li Malta u l-Italja mhux se jkunu jistgħu jilqgħu għat-traġitti irregolari li se jibdew isiru. 

Hu qal li mhux konvint li ma’ min tkellem se jibdel fehemtu dwar l-obbligi umanitarji ta’ Malta u l-Italja. 

Barra hekk, Alfred Sant qal li anke kieku kellu jitħaddem il-pjan Malti, l-Unjoni Ewropea jkollha problemi kbar ta’ loġistika biex tħaddmu, kemm minħabba l-ġlied li għaddej fil-Libja, kif ukoll għax m’għandhiex l-organizzazzjoni biex twettqu, u jkollha tistrieħ fuq l-armati ta’ xi pajjiż jew ieħor. Spjega li sakemm dawn l-affarijiet jiġu rranġati jkun għadda ż-żmien u jilħqu jseħħu ġrajjiet ġodda, aktar u aktar meta bħalissa kulħadd (mhux Malta biss) jinsab iffokat fuq il-Coronavirus, l-aktar mill-perspettiva nazzjonali, mhux dik Ewropea. 

Alfred Sant qal li mhux konvint li ma’ min tkellem se jibdel fehemtu dwar l-obbligi umanitarji ta’ Malta u l-Italja

L-ewroparlamentari spjega li l-Parlament Ewropew ma jiddeċidix dwar inizjattivi li jistgħu jittieħdu f’qasam bħall-immigrazzjoni, għalkemm qal li dan jista’ jesprimi fehma. Fl-opinjoni ta’ Sant, hemm maġġoranza qawwija ta’ deputati li ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-Gvernijiet ta’ Malta u tal-Italja li jagħlqu l-portijiet għall-immigranti irregolari. Qal li skont dawn id-deputati l-obbligu tal-gvernijiet taħt il-liġi internazzjonali jibqa’ dak li bnedmin f’riskju li jmutu mgħarrqa jiġu salvati. 

Rigward il-mument li qed ngħixu fih, Sant qal li bħalissa l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea qed jikkonċentraw fuq l-imxija tal-Coronavirus – mil-lat tal-effetti sanitarji u ekonomiċi tagħha, u ftit qed jagħtu kas ta’ emerġenzi oħra li ma jolqtuhomx direttament. 

Saħaq li kulħadd, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, qed jibqa’ fil-linja ta’ dak li dovut jagħmel legalment u jistenna li ħaddieħor jagħmel l-istess. Qal li fejn tidħol l-immigrazzjoni irregolari, din il-pożizzjoni ilha hekk għal aktar żmien minn meta faqqgħet il-Coronavirus. Semma kif il-Greċja ilha xhur tistenna azzjoni “ta’ solidarjetà” fir-rigward tal-immigranti li jinsabu kkakkmati fil-gżejjer tagħha.

Sant stqarr li l-problema kbira hi li baqgħet ma ntlaħqitx politika Ewropea komuni minħabba li numru ta’ pajjiżi, l-aktar dawk mil-Lvant, ma jridux jafu bil-kunċett li l-piżijiet jitqassmu fost il-membri. Qal li parti mill-problema baqgħet ukoll li l-ftehim ta’ Dublin baqa’ fis-seħħ – jiġifieri li legalment, hu l-pajjiż fejn jaslu l-immigranti l-ewwel li jrid jibqa’ “jġorrhom” sakemm tinstab soluzzjoni għall-każ tagħhom.

Sport