Saturday, December 21, 2024

“Diffiċli li nsibu aljeni”- Studju jipproponi li l-avvanz fit-teknoloġija jwassal biex ċivilizzazzjonijiet jinqerdu…

- Min-naħa l-oħra fil-Kungress Amerikan uffiċjali għolja xehdu li l-aljeni sabu lilna

Aqra wkoll

Waħda mill-aktar mistoqsijiet li ssir fi żminijietna hija dik jekk aħniex waħedna fl-univers vast. Dan hekk kif f’dawn l-aħħar snin is-suġġett tal-UAPs, jew aktar magħrufa bħala UFOs, qiegħed jittieħed bis-serjetà u jiġi diskuss fil-miftuħ. Dan saħansitra huwa suġġett jaħraq fil-Kungress Amerikan li jumejn ilu tella’ smigħ importanti proprju fuq provi ta’ ħajja intelliġenti aljena li ġiet fostna.

Minkejja provi ppreżentati u xhieda minn eluf ta’ persuni minn madwar id-dinja li b’modi differenti allegatament esperjenzaw forma ta’ ħajja intelliġenti oħra barra tagħna jew raw b’għajnejhom UAPs (unidentified flying objects), rapporti uffiċjali li jikkonfermaw l-eżistenza tagħhom għad m’hemmx.

Barra minnhekk, il-probabbiltà li xi darba l-umanità ssib jew tagħmel kuntatt uffiċjali ma’ ħajja intelliġenti ġejja minn pjaneta oħra, minn studju riċenti, tidher li hija diffiċli ħafna.

Ippubblikat mill-“Business Today” dan l-istudju ġdid jgħid li, “huwa diffiċli li nsibu aljeni hekk kif il-maġġorparti taċ-ċivilizzazzjonijiet jeqirdu lilhom infushom f’perjodu ta’ elf sena”. Ir-raġunijiet għal din l-ipotesi hija dik li l-avvanz fit-teknoloġija f’ċivilizzazzjonijiet żviluppati, jista’ b’mod inevitabbli, iwassal biex il-pjaneta tagħhom tiġi inabitabbli u dan f’perjodu ta’ elf sena.

Dan teoritikament minħabba żieda fil-konsum tal-enerġija li twassal għat-tisħin tal-klima. Fi ftit kliem, dak li jidher li qiegħed jiġri preżentament fid-dinja tagħna stess.

Ir-riċerkaturi bbażaw l-ipoteżi tagħhom fuq it-tieni regola tat-termodinamiċi li tgħid li ebda sistema ta’ enerġija mhija kompletament effiċjenti. Saħqu li, “hekk kif ċivilizzazzjoni tikber, b’mod inevitabbli din tiġġenera sħana minn skart b’konsegwenza li mal-mogħdija tas-snin il-pjaneta tisħon u tinqered”.

Xenarju ikrah kawża ta’ użu esaġerat ta’ enerġija

Dan l-istudju jenfasizza dwar iż-żieda qawwija f’qasir żmien ta’ użu ta’ enerġija mill-bniedem fis-seklu 19. Pereżempju fl-2023 il-konsum tal-enerġija fuq skala globali laħaq il-180,000 terawatt f’termini ta’ sigħat. Dan l-ammont huwa kważi daqs l-eneġija mix-xemx li d-dinja tirċievi ta’ kull sena.

Meta mbagħad wieħed jara l-impatt fuq l-enerġija renovabbli, skont dawn ir-riċerkaturi, “anke jekk iċ-ċivilizzazzjonijiet jiddependu minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli bħalma huma mir-riħ u mix-xemx, it-temperatura ta’ sħana li toħroġ mil-użu tal-istess enerġija, iseħħ xorta waħda bil-konsegwenza li l-pjaneta tkompli tisħon b’popolazzjonijiet ikomplu jikbru fin-numru u konsegwentement, tiżdied ukoll id-domanda għall-enerġija”.

Għaldaqstant, it-tim ta’ riċerkaturi jemmnu li minħabba l-użu qawwi ta’ enerġija, huwa inevitabbli xenarju li fih iseħħu katastrofi ambjentali li jwasslu biex il-pjaneta tinqered u l-ħajja magħha f’inqas minn 1,000 sena mill-bidu tat-tkabbir ta’ teknoloġija avvanzata.

Ir-riċerkaturi tkellmu dwar l-implikazzjonijiet fuq it-tfittxija tagħna għal ħajja aljena fejn qegħdin jissuġġerixxu li minħabba t-tendenza ripetitiva li jinqerdu waħidhom, tista’ tkun ir-raġuni għala għadna ma sibniex jew għamilna kuntatt ma’ ċivilizzazzjoni minn barra d-dinja tagħna. F’termini kosmiċi, 1,000 sena huma perjodu qasir wisq meta mqabbel mal-bijuni ta’ snin li pjaneti bħad-dinja tagħna jibqgħu abitabbli.

Bil-għan li ma jiġrix hekk lilna, dan l-istudju jirrakomanda li ċ-ċivilizazzjonijiet jimmiraw li jkollhom tkabbir ikkalkolat u stabbli flimkien ma’ prattiċi sostenibbli għall-għixien tagħhom. Insistew li, “soċjetà li żżomm ekwilibriju mal-ambjent ta’ madwarha tista’, teoritikament, testendi s-sopravvivenza tagħha b’biljun sena”.

It-tieni smigħ fil-Kungress Amerikan… 

Sadanittant, għat-tieni darba, il-Kungress Amerikan tella’ smigħ importanti fuq is-suġġett tal-aljeni u l-UAPs hekk kif għadd ta’ uffiċjali għolja qegħdin jikxfu x’verament hemm fil-borma. L-ewwel smigħ waħdu kien biżżejjed biex iqajjem furur u interess kbir hekk kif ġie kkonfermat li ‘m’aħniex waħidna fl-univers’.

Mhux talli hekk talli, ingħad u reġa’ ingħad fit-tieni smigħ, li l-Istati Uniti, permezz ta’ programmi sigrieti tas-CIA (Central Intelligence of America), ġabru u studjaw vetturi spazjali li ġġarfu fid-dinja kif ukoll użaw it-teknoloġija tagħhom biex jiżviluppaw bħalha, dak magħruf bħala r-reverse engineering.

L-allegazzjonijiet li ħarġu f’dan it-tieni smigħ fil-Capitol fit-13 ta’ Novembru 2024, huma xokkanti. Dan minħabba li jekk ikunu kkonfermati, il-popli kollha se jsiru jafu bil-ħabi kbir u serju li hemm fuq dan is-suġġett. Suġġett tant importanti għax jista’ jibdel l-Istorja tal-umanità. Jekk huwa minnu li ġew UAPs fil-pjaneta tagħna u li nġabru kadavri tal-piloti, l-aljeni mhux għalina diffiċli li nsibuhom imma, diġà sabuna huma.

Ekonomija

Sport