“Il-ġurnata tant mistennija waslet però ma tistax tkun bħas-soltu għalina d-dilettanti tan-nar bin-nuqqas tiegħek”. Iddikjara dan Liam Schembri, pirotekniku fi ħdan il-kumpless tan-nar ta’ San Pawl fir-Rabat ftit sigħat qabel il-ħarqa tan-nar li l-biċċa l-kbira minnha nħadmet minnu.
Huwa kompla biex jgħid li l-ħarqa tal-lejla se jkun qiegħed jiddedikaha lil Felix Bugeja magħruf aħjar bħala Feliċ li kien ikun minn ta’ quddiem biex jirsisti għas-serata tal-lejla.
“Nemmen li biex din is-sena tant diffiċli ta’ ħidma int kont miegħi l-ħin kollu biex stajt lestejt dak li kelli pjanat. Grazzi Feliċ ta’ dak kollu li ghamilt għall-piroteknika Rabtija u li lbieraħ stess kien għadu qed jitgawda x-xogħol tiegħek fl-ispettaklu ta’ ‘colours in the sky”, kompla biex jgħid filwaqt li stqarr li llejla se tkun diffiċli biex dawk preżenti ma taqbżilhomx demgħa mal-ħarqa ta’ din ir-raddiena.
“Kliemek jibqa’ f’moħħi … Aħna se nibdew remiġ jewwww. Ejja minn hemmmmmmmm”, għalaq jirringrazzja lill-mibki Feliċ iż-żagħżugħ Rabti.
Feliċ miet f’Marzu li għadda u bosta kienu dawk li sellmu l-memorja tiegħu u fakkruh bħala raġel mimli ferħ u b’qalb tad-deheb.