Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar kampanja ta’ tilqim kontra l-Influwenza u l-Omicron, il-varjant tal-Covid-19, li se tibda mis-17 ta’ Ottubru għal dawk l-aktar vulnerabbli u tiftaħ fuq livell nazzjonali bla ħlas għal kulħadd mill-31 tal-istess xahar. Il-Ministru Fearne ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex jieħu dan it-tilqim b’mod speċjali għall-fatt li l-istrain predominanti tal-Influwenza ta’ din is-sena huwa l-H3N2, li meta fis-snin ta’ qabel kien predominati, kien responsabbli għal numru għoli ta’ każijiet fl-isptar. Għaldaqstant, din is-sena qegħdin jistennew li jkun hemm numru ta’ każijiet tal-Influwenza ta’ dan it-tip fl-isptar.
Filwaqt li fakkar li huwa importanti li nieħdu prekawzjonijiet li konna drajna bihom fil-pandemija fosthom il-ħasil tal-idejn, li nibqgħu id-dar jekk inkunu ma nifilħux u li nevitaw spazji magħluqa u ffullati, il-Ministru tas-Saħħa sostna li l-akbar protezzjoni hija dik mit-tilqim u dan “minħabba li din taħdem u ssalva l-ħajjiet”.
Filwaqt li diġà qegħdin isiru l-preparamenti meħtieġa inkluża dik li qegħdin jiżdiedu n-numru ta’ sodod fl-isptarijiet f’każ li jkun hemm bżonn iżda mhux neċessarjament għal każijiet ta’ Influwenza, il-Ministru Fearne qal li, “din is-sena għandna l-fortuna li t-tilqima li għandna tolqot erba’ tipi ta’ viruses (strains) differenti inkluż l-H3N2 u għaldaqstant tidher li se tkun effettiva. Allura, huwa iżjed importanti li wieħed jeħodha”.
Fil-fatt il-programm ta’ tilqim lokali fl-aħħar snin kien ta’ suċċess wara li minn 75,000 persuna li ħadu t-tilqima kontra l-Influwenza fl-2019, dan in-numru fl-2020 irdoppja b’aktar minn 181,000 persuni li ħadu din it-tilqima. Dan l-ammont naqas ftit fl-2021 meta niżel għal 117,000 iżda baqa’ ferm għoli meta kkomparat mal-2019.
Il-Ministru Fearne qal li, “din is-sena se nipprovaw nilħqu dik il-figura u diġà għandna 132,000 tilqima. Jekk nużawhom kollha, nistgħu nġibu aktar”. Huwa speċifika li minn dan it-total ta’ tilqim disponibbli hemm 115,000 allokati għall-adulti mentri s-17,000-il l-oħra huma f’forma ta’ spraj nasali għat-tfal.
L-ewwel ħmistax tal-programm ta’ tilqim bla ħlas kontra l-Influwenza u l-Omicron se jkun miftuħ għall-persuni l-aktar vulnerabbli li huma dawk li għandhom:
- Aktar minn 55 sena;
- Mard kroniku ta’ kull età;
- Nisa tqal;
- Persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet u min jieħu ħsiebhom;
- Il-ħaddiema tas-saħħa; u
- Tfal ta’ bejn is-sitt xhur u l-ħames snin.
Mill-31 ta’ Ottubru t-tilqim ta’ kontra l-Influwenza u l-Omicron se jkun miftuħ għall-kumplament tal-popolazzjoni u dan se jkun bla ħlas ukoll. Dawn se jingħataw fiċ-ċentri tas-saħħa li se jkunu kollha miftuħin, kuljum, mit-Tnejn sas-Sibt mentri wħud minnhom se jiftħu anke fil-Ħdud. Id-dettalji ta’ dawn iċ-ċentri se jingħataw aktar tard fuq il-mezzi tax-xandir u l-midja soċjali.
Bil-għan li jintlaħaq l-akbar ammont ta’ persuni, il-Ministru Fearne ħabbar li t-tilqim se jingħata anke miċ-ċentri komunitarji tas-saħħa li huma dawk fil-Belt Valletta, Ħamrun, il-Mellieħa, Attard, M’Scala, Sliema, Kalkara, Naxxar, Ħad-Dingli, Marsaxlokk, Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar, Ħal Għaxaq, Pietà, Ta’ Xbiex, Gudja, Santa Luċija, Fgura, Xewkija Għawdex u ċ-ċentru l-ġdid li se jiftaħ dalwaqt fl-Għarb, f’Għawdex ukoll.
Il-Ministru tas-Saħħa qal ukoll li l-appell mill-għolja istituzzjonijiet tas-saħħa mondjali huwa li d-dinja kollha tifhem fl-importanza li l-pajjiżi joffru din it-tilqima lill-popli tagħhom. Hawnhekk huwa aċċenna għall-fatt li Malta se tkun qiegħda wkoll toffri t-tilqima li tilqa’ għall-Omicron BA4 u BA5 għal dawk kollha li jridu jeħduha. Filwaqt li qal li l-Covid-19 issa jidher li saret endemika u għaldaqstant m’għadhiex pandemija, fakkar li l-Covid xorta waħda għadu hawn u jidher li se jibqa’ magħna, wisq probabbli fuq bażi staġjonali.
“Ma jidhirx, però, li se jkun hemm bżonn ta’ miżuri drastiċi u kbar. Imma, jidher li jkun tajjeb li wieħed jieħu t-tilqima darba fis-sena. Fuq parir kemm mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mis-CDC, qegħdin noffru b’mod volontarju u għal kulħadd, it-tilqima kontra l-Omicron fl-istess waqt li tittieħed dik tal-Influwenza,” spjega l-Ministru Fearne. Huwa ċċara li din it-tilqima ġdida tal-Omicron mhiex se tibdel l-istat taċ-ċertifikat tat-tilqim.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne temm billi wissa li jekk persuna timrad bl-Influwenza u l-Covid-19 fl-istess ħin, il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji u bħala Gvern qegħdin joffru l-opportunità lil kulħadd biex jipproteġi lilu nnfishom u lil dawk ta’ madwaru permezz ta’ programm nazzjonali ta’ tilqim kontrihom bla ħlas.