Sunday, December 22, 2024

Diġà tneħħew mas-26,000 tunellata ta’ skart mis-sit fejn se tinbena t-trakka

Aqra wkoll

Fis-sit f’Ħal Far fejn se tkun qiegħda tinbena t-trakka tal-karozzi diġà tneħħew mas-26,000 tunellata ta’ skart, bl-aktar ikun materjal ta’ kostruzzjoni. B’kollox sa issa l-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni wettqu mal-1,000 vjaġġ bi trakkijiet biex neħħew dan il-materjal ta’ kostruzzjoni.

Dan tħabbar mid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tad-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara waqt żjara li saret fuq is-sit fejn ingħata aġġornament dwar il-proġett tat-trakka tal-karozzi fejn ix-xogħol miexi b’ritmu tajjeb ħafna. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjon Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield.

Is-Sur Deguara, filwaqt li tkellem dwar il-ħidma li qed jagħmlu l-ħaddiema tad-Diviżjoni f’dan is-sit, saħaq li jinsabu kommessi li jkomplu jgħinu sabiex dan il-proġett jitwettaq. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew bit-tieni fażi tal-proġett fejn huwa stmat li se jitneħħew b’2,000 trakk ta’ materjal ieħor.

Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield sostna li dan huwa proġett li ilu mistenni ħafna minn dawk li jipprattikaw dan l-isport. Proġett li kien imwiegħed minn dan il-Gvern u li se jsir minn dan il-Gvern.

“Ix-xogħol diġa’ beda. Bħala diviżjoni fuq dan il-proġett diġà investejna mat-300,000 ewro u dan huwa biss parti żgħira minn dak li qiegħed jinvesti l-Gvern hawn f’dan il-proġett. Qed ninvestu f’aktar makkinarju biex inkunu nistgħu nidħlu għal aktar proġetti li jsiru għan-nies,” qal is-Segretarju Parlamentari Bedingfield.

Min-naħa tiegħu, il-Minstru Clifton Grima spjega li dan huwa proġett mifrux fuq 200,000 metru kwadru li se jospita dixxiplini sportivi li se jkunu jistgħu jsiru għall-ewwel darba f’pajjiżna.

“Irnexxielna nsibu l-ispazju. Għandna budget allokat. Il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar miexi u diġà ħarġu l-ewwel permessi li kienu neċessarji biex immorru għat-tieni applikazzjoni. B’mod tanġibbli llum ninsabu fil-post li qiegħed jitnaddax sabiex hawn nagħmlu t-trakka tal-karozzi,” tenna l-Ministru Grima.

Fil-kummenti tiegħu, il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport Duncan Micallef irringrazzja lill-Gvern tal-impenn u l-ħidma biex din il-ħolma, mhux biss tiegħu imma wkoll tad-dilettanti tal-motorsport, tkun tista’ ssir realtà. Huwa tenna li dan il-proġett se jkun ta’ suċċess kemm għall-motorsport kif ukoll għall-pajjiż.

Ekonomija

Sport