Ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza f’parti ta’ Kalifornja wara li nirien komplew jinfirxu qrib il-Park Nazzjonali ta’ Yosemite.
In-nirien, li bdew nhar il-Ġimgħa, komplew jikbru tant li l-pumpiera ma setgħux jikkontrollawhom wara aktar minn 24 siegħa.
Minħabba f’dawn in-nirien, kellhom jiġu evakwati aktar minn 3,000 persuna filwaqt li għaxart idjar ġew meqruda.
Ġie rrappurtat ukoll li s’issa aktar minn 11,900 ettaru ta’ art inħarqu, biex b’hekk ‘l hekk imsejjaħ “oak fire” huwa l-akbar nar attiv bħalissa fl-Istati Uniti.
L-istat ta’ emerġenza ġie ddikjarat f’Mariposa County. Fi stqarrija, il-Gvernatur ta’ Kalifornja Gavin Newsom qal li n-nirien kienu kkawżati minn “temp sħun u kundizzjonijiet ta’ nixfa.”