Il-ħin ta’ 30 minuta 22 sekonda ta’ Dillon Cassar ratu jistabillixi r-rekord ġdid fuq din ir-rotta. Ir-rekord preċedenti kien wieħed li hu stess stabbilixxa is-sena l-oħra. Dan seħħ il-Ħadd filgħodu, waqt l-Intersport 10k Burmarrad Road Race.
Cassar żamm vantaġġ komdu quddiem atleti oħra b’saħħithom li kollha kienu qedin jissieltu għal post fuq il-podju, fosthom Christopher Micallef, Aaron Mifusd, Mark Herrera, Tommy Wallbank u Matthew Xuereb. Wara l-ewwel dawra, Micallef u Mifsud kienu fuq quddiem ta’ Wallbank u Herrera. Herrera li fl-aħħar snin kien milqut minn diversi injuries ta spinta qawwija li ratu javvanza l-quddiem, biex għeleb lil Micallef, b’ħames sekondi, fit-tieni post.
Fil-kategorija tan-nisa Joelle Cortis tat ukoll rendikont tajjeb ta’ ruħha. Hi spiċċat fl-ewwel post quddiem l-atleti Josann Attard Pulis u Marija Cumbo, li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Tellieqa tal-5km
Gabriel Farrugia rebaħ it-tellieqa, f’ħin ta’15-il minuta 23 sekonda. Heathcliff Vella u Keith Schembri spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Intant, fit-tellieqa tan-nisa, uċuħ familjari ħadu l-ewwel tlett postijiet. Charyl Fava li ilha tipproduċi prestazzjonijiet imtejba matul is-serje kisbet l-ewwel post. Warajha kien hemm Rosalie Borg Cauchi segwita minn Hayley Acreman.
“Din it-tellieqa hija magħrufa bħala waħda mill-aktar veloċi f’Malta u b’hekk tattira ħafna atleti – li tkun mibjugħa kollha ġimgħat qabel hija prova ta’ dan. Meta jkollok rekord tal-korsa ġdid, kif għamel għal darb’oħra Dillon Cassar, iħalli togħma tajba wara t-tellieqa.” irrimarka Charlie Demanuele, Direttur tat-Tellieqa, li kompla jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn Intersport li ilhom jappoġġjaw dawn is-Serje mill-bidu tagħha fl-2015.
Fi tmiem it-tellieqa ġew ippreżentati trofej lir-rebbieħa ġenerali u tal-gruppi ta’ età.
L-aħħar tiġrija tal-Intersport 10k Series għall-2023 se ssir fit-8 ta’ Diċembru u se ssir fil-Belt Valletta. L-aħħar postijiet li fadal huma disponibbli u r-reġistrazzjoni tista’ ssir online – https://10kseriesmalta.com/product/valletta-2023/