Monday, September 30, 2024

Il-proġett Luqa Junction fl-aħħar fażi

Aqra wkoll

Kważi ir-rotot kollha miftuħin għall-pubbliku 

Il-proġett Luqa Junction jinsab fl-aħħar fażi, hekk kif kważi r-rotot kollha huma miftuħin għall-pubbliku. Il-kuntrattur dawwar l-attenzjoni tiegħu fuq l-aħħar xogħlijiet tal-proġett, li jinkludi l-bini ta’ mina ġdida ta’ 60 metru li tgħaqqad il-karreġġjata ta’ Triq Il-Kunsill tal-Ewropa ma’ Triq San Tumas, u toffri aċċess dirett minn Santa Luċija u l-Marsa lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi mingħajr ebda interruzzjonijiet. Hekk kif jitlesta il-bini tal-mina, Infrastructure Malta se sebbaħ l-inħawi bit-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. 

Dan l-investiment ta’ €11-il miljun, Infrastructure Malta biddlet roundabout prinċipali f’junction b’diversi livelli sabiex tiffaċilita konnessjonijiet eħfef u iktar siguri minn u lejn Ħal Qormi, Ħal Luqa, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport u l-Mini ta’ Ħal Kirkop. Luqa Junction Project jinkludi wkoll il-bini ta’ bankini ġodda, punti ta’ qsim iktar siguri u korsija ġdida għar-roti u l-mixi. Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. 

Breakwater ta’ Buġibba

Infrastructure Malta għaddejja bil-proġett ta’ bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Buġibba; proġett li jintroduċi terminal ġdid u faċilitajiet aktar siguri għall-passiġġieri. Permezz ta’ dan, is-servizz tat-trasport bil-baħar f’Malta jiġi estiż mill-Belt Valletta, Tas-Sliema u l-Kottonera, lejn San Pawl il-Baħar. Il-breakwater il-ġdid ser jifrex fuq 180 metru, itwal minn dak eżistenti. Dan se jipprovdi lqugħ aħjar mill-mewġ tal-baħar u jipproteġi d-dgħajjes tas-sajd u bastimenti żgħar oħra li jirmiġġaw f’din iż-żona. L-Aġenzija qed tintroduċi faċilitajiet iktar siguri għall-irmiġġ, tlugħ u nżul għal-passiġġieri li jużaw servizz tat-trasport bil-baħar. Il-kuntrattur tal-Aġenzija bħalissa għaddej diversi tiswijiet estensivi taħt il-livell tal-ilma u bdew jitpoġġew diversi blokok li se jiffurmaw l-istruttura prinċipali tal-breakwater. 

Infrastructure Malta qed tintroduċi ukoll moll ieħor ta’ 37 metru li jisporġi min-naħa tat-tramuntana tal-breakwater ewlieni. Dan il-moll jipprovdi kenn ikbar u mriġġ aktar sigur f’diversi kundizzjonijiet tat-temp. Se jinbena mill-ġdid ukoll l-iskal ta’ ħdejn il-breakwater eżistenti b’disinn aktar sigur. Eventwalment Infrastructure Malta ser tkun qed tibni terminal fejn wieħed jista’ jistkenn u jaqta’ biljett biex jivjaġġa bis-servizz tal-lanċa lejn Tas-Sliema, il-Belt Valletta jew Bormla. It-terminal il-ġdid għall-irmiġġ tal-laneċ ser ikun mgħammar b’rampi u faċilitajiet oħrajn biex dan il-mezz ta’ transport alternattiv ikun aċċessibbli minn kulħadd. Se jiġu installati xtillieri tar-roti (bicycle racks) li jinċentivaw l-ivjaġġar b’modi alternattivi ta’ trasport.

Xogħol għal iktar sigurtà fil-Bypass Tal-Imrieħel

Infrastructure Malta wettqet proġett għal iktar sigurtà tul il-karreġġjati tal-bypass tal-Imrieħel, kif ukoll fil-junction li tgħaqqad is-Central Business District. Tul dan il-proġett, l-Aġenzija introduċiet 4.5 kilometri ta’ barrikati tal-konkos ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq biex tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti. Il-katusi tul il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-bypass ġew imsaqqfa u għamlu spazju għal 800 metru ta’ bankini ġodda. Infrastructure Malta biddlet 940 metru ta’ katusi mis-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita sabiex ittaffi l-problemi tal-għargħar f’din iż-żona. Għal dan il-proġett, intużaw żewġ tipi t’asfalt differenti li jifilħu għall-ammont kbir ta’ karozzi li jgħaddu ta’ kuljum minn din it-triq. L-Aġenzija poġġiet 26,000 metru kubu ta’ folji geogrid sabiex issaħħaħ is-saffi t’asflat differenti flimkien. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet saru matul il-lejl sabiex l-inkonvenjent jkun mill-inqas. Infrastructure Malta biddlet ukoll is-sistema tad-dawl tat-triq taż-żewġ karreġġjati kif ukoll installat sinjali ġodda tul il-Bypass. 

Sport