Monday, May 13, 2024

L-ewwel attivitajiet tal-EuroPride ser isiru fl-MFCC minħabba l-maltemp

Aqra wkoll

Il-ftuħ uffiċjali tal-EuroPride nhar il-Ħamis li ġej ser isir fl-MFCC f’Ta’ Qali flok f’Pjazza Tritoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttiġieg qalet li dan qed isir fl-interess tas-sigurtà minħabba l-maltemp mbassar.

L-attivitajiet ser jibdew b’show spettakolari bl-aqwa kantanti u talenti lokali u jinkludi l-kanzunetta uffiċjali tal-EuroPride Valletta 2023 ‘We are Pride’ minn MattBLK, Destiny & Owen Luellen u akkumpanjati miż-żeffiena DanceLabMT b’koreografija ta’ Luke Brincat.

Il-Pride March u show tas-Sibt f’Ghawdex se jsir kif ippjanat jekk it-temp jippermetti. Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li l-Europride Village f’Pjazza Tritoni ser jiftaħ minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Settembru, fejn kull filgħaxija fost oħrajn ser ikun hemm diskussjonijiet interessanti.

“Aħna rridu li l-EuroPride tkun okkażjoni ta’ attiviżmu mifrux mal-komunità kollha, biex dejjem jiġu mifhuma r-realtajiet tal-persuni LGBTIQ+ fost oħrajn fil-qasam tax-xogħol, fil-ħajja tal-familja u f’kull aspett ieħor sabiex nassiguraw li l-ugwaljanza tkun ipprattikata fil-ħajja ta’ kuljum,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Żiedet tgħid li l-qasam tas-saħħa, aspetti varji tas-sesswalità, u r-relazzjonijiet bejn il-persuni LGBTIQ+ u l-irwol tar-reliġjon u l-identita tal-persuni, ser ikunu fost it-temi diskussi. Temi oħrajn li ser ikunu diskussi jinkludi x-xogħol u l-persuni LGBTIQ+ b’diskussjonijiet imtella’ kemm mil-Kamra tal-Kummerċ u mill-General Workers Union.

Ser isir ukoll djalogu tal-komunità li għalih ser tattendi l-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Ugwaljanza Helena Dalli.

“Nistieden lil kulħadd biex jipparteċipa f’dawn id-diskussjonijiet għaliex permezz ta’ dan id-djalogu nistgħu nifhmu aħjar l-importanza li nibqgħu naħdmu favur l-ugwaljanza.  Il-EuroPride se tkun verament qed isservi biex teduka, tinforma u fejn hemm bżonn tbiddel il-kultura u l-mentalita u tneħħi l-preġudizzji li sfortunatament għadhom jeżistu minkejja r-riformi leġiżlattivi favur id-drittijiet ċivili li għamilna fl-aħħar 10 snin,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza.

Intant, Maria Azzopardi, President tal-Allied Rainbow Communities qalet “Jiġri x’jiġri, l-ispettaklu jibqa’ għaddej. Xemx u xita, xejn mhu se jwaqqaf lill-komunità LGBTIQ+ milli turi t-talenti, l-għaqda u fuq kollox l-identità li tagħmilna aħna. Jekk l-avvenimenti tal-aħħar jiem urewna xi ħaġa, kienet li l-komunità LGBTIQ+ kienet u għadha reżiljenti quddiem kwalunkwe avversarju u ostaklu. Ninsabu eċitati b’kemm il-komunità LGBTIQ hija magħquda hekk kif nidħlu fl-ewwel jiem ta’ mument storiku fl-istorja tal-Pride f’pajjiżna.”

Sport