Ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’:
Biex tfakkar ir-rebħ tas-27 Kampjonat Malti minn Floriana FC fl-istorja tagħhom – li hu rekord assolut għal pajjiżna – l-amministrazzjoni tal-gazzetta Furjaniża ‘IL-FURJANA’ għadha kemm ippubblikat ħarġa speċjali tal-gazzetta, 24 faċċata li huma mimlija b’tagħrif, statistika, u ritratti.
Din il-ħarġa għandha tintlaqa’ tajjeb mhux biss minn dawk li għalihom it-tim favorit hu dak Furjaniż, iżda wkoll mid-dilettanti kollha tal-futbol Malti partikolarment min iġemma’ pubblikazzjonijiet kommemorattivi bħal din. F’din il-ħarġa speċjali wieħed isib fost l-oħrajn tliet intervisti qosra ma’ wħud mill-protagonisti ta’ dan is-suċċess Furjaniż.
L-intervisti saru mal-President tal-Floriana FC, Johann Said, mal-Kowċ, il-Portugiż Daniel Portela, u mal-Captain tat-tim, Dunstan Vella. Said qal fost l-oħrajn li din kienet għalih ħolma li saret realtà. Mument li se jibqa’ jġorr miegħu għal dejjem.
Dawk li jħobbu l-istatistika dwar il-futbol lokali żgur li għandhom isibu f’din il-ħarġa ħafna materjal interessanti u kurjuż. Fosthom hemm ‘Il-mixja lejn ir-rebħ tat-titlu’ – li hi ħarsa mifruxa fuq tliet faċċati lejn l-34 partita li Floriana FC lagħbu tul il-Kampjonat 2025-2026.
Statistiċi oħra inklużi f’din il-ħarġa jirrigwardaw il-plejers Maltin u barranin li lagħbu għal Floriana FC f’dawn il-partiti; l-iskorers tal-gowls skurjati mit-tim Furjaniż; rekords personali tal-plejers; id-dominanza Furjaniża ‘bil-minuti’; u l-aqwa tim ta’ kull żmien.
Fost ir-ritratti li wieħed isib f’din il-ħarġa speċjali ta’ ‘IL-FURJANA’, jispikka bla dubju ta’ xejn il-poster tat-tim rebbieħ, diriġenti u partitarji Furjaniżi mifrux fuq iż-żewġ paġni tan-nofs. Fil-faċċata ta’ quddiem hemm ritratt li ttieħed ftit wara li saret il-preżentazzjoni tat-tazza lill-captain ta’ Floriana FC. Hemm ukoll ritratt storiku tat-tim Furjaniż li rebaħ il-finalissima tal-Kampjonat (2-0) kontra Marsaxlokk biex sar iċ-Champion ta’ Malta għas-27 darba.
Id-Direzzjoni ta’ ‘IL-FURJANA’ rringrazzjat lil Jesmond Moore u lit-tim tiegħu għall-kontribut tagħhom għal din il-ħarġa speċjali li ttellgħet fi żmien daqshekk qasir, kif ukoll lid-Direttur Artistiku tal-gazzetta, Joseph A. Cachia.
Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494, jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.


