Friday, November 27, 2026
Home Sport Malta Premier League: Jitkellmu l-coaches ta’ Floriana u Hamrun Spartans għall-konfront ta’...

Malta Premier League: Jitkellmu l-coaches ta’ Floriana u Hamrun Spartans għall-konfront ta’ bejniethom

0
33

Meta mill-Ġimgħa sal-Ħadd tintlagħab l-14-il ġurnata tal-Malta Premier League, waħda mill-partiti ewlenin hija dik bejn Floriana u Hamrun Spartans li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali, is-Sibt. 

Interessanti huwa l-fatt li l-coach ta’ Hamrun Spartans, Daniel Portela, se jiffaċċja lill-eks team tiegħu, Floriana, li telaqhom ftit tal-jiem ilu bi ftehim reċpiroku. 

F’konferenza tal-aħbarijiet tkellmu ż-żewġ coaches inkluż dak ta’ Floriana, l-Ispanjol Carlos Alos Ferrer, fejn it-tnejn esprimew is-sodisfazzjon tagħhom f’din l-avventura ġdid tagħhom. 

Il-coach ta’ Floriana, jinsab kuntent bil-preparazzjoni tal-players tiegħu, filwaqt li saħaq li t-team jinsab lest biex jaffronta l-qawwa ta’ Hamrun. Ferrer qal li din hija opportunità importanti biex Floriana jibqgħu fit-tellieqa għall-ewwel postijiet, iżda fakkar li f’dan il-kampjonat kull partita għandha l-importanza tagħha.

Il-coah Furjaniż deher kuntent ukoll bir-rebħa kontra Valletta, li ddeskriva bħala wirja kbira u riżultat li t-team tant kellu bżonn. Madankollu, saħaq li l-attenzjoni issa hija kollha fuq Hamrun u li l-players għandhom ikomplu jżommu l-livell tagħhom, kemm meta jkollhom il-ballun kif ukoll meta jkunu mingħajru.

Il-player Gaston Manuel Romero qal li Floriana qed jilagħbu b’sistema differenti taħt coach ġdid, iżda l-grupp huwa magħqud u qed jaħdem lejn l-istess għan. Huwa ddeskriva l-konfront kontra l-Ispartans bħala derby ieħor, simili għal dak kontra Valletta, u qal li t-team irid jagħmel l-istess sforz biex jikseb tliet punti oħra.

Min-naħa ta’ Hamrun Spartans, il-coach Daniel Portela qal li l-aktar importanti huwa li t-team jiffoka fuq kif jista’ jirbaħ, aktar milli sempliċement jaħseb fir-riżultat. Huwa stqarr li se jkun diffiċli li Hamrun jispiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet, iżda esprima fiduċja li t-team se juri verżjoni aħjar fil-futur qrib.

Il-player, Ante Coric, qal li l-players huma determinati li jinżlu għal rebħa  biex iżommu ħajjin it-tamiet tagħhom. Huwa żied li issa jinsab fl-aħjar kundizzjoni fiżika wara l-injuries li għadda minnhom u jemmen li Hamrun għandhom il-qawwa biex jirbħu kemm din il-partita kif ukoll il-konfronti li ġejjin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here