Il-Prim Ministru Robert Abela attenda s-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li sar f’Tivat, il-Montenegro.
Waqt dan is-Summit il-mexxejja ddiskutew kif jistgħu jkomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun fi żmien ta’ sfidi ġeopolitiċi li dejjem qed isiru aktar kumplessi.
Matul il-laqgħat, il-Prim Ministru enfasizza dwar l-importanza li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Balkani tal-Punent ikomplu jaħdmu flimkien biex jissaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-kontinent kollu.
Huwa sostna li permezz ta’ djalogu miftuħ, kooperazzjoni konkreta u sħubijiet b’saħħithom, l-Ewropa tkun f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi preżenti filwaqt li tibni futur aktar sigur għaċ-ċittadini tagħha.
“Fir-realtajiet li qed ngħixu fihom, bl-isfidi li ħerġin mill-gwerer bejn l-Ukrajna u Russja u dawk tal-Golf Għarbi, il-kumplessità għall-kontinent tagħna qiegħda kulma jmur tiżdied. U allura ċertament it-triq ’il quddiem hija żgur dik li nwessgħu l-kooperazzjoni tagħna mad-dinja. U dan ir-reġjun huwa strateġikament wieħed mill-aktar importanti għalina biex nikkonsolidaw il-kontinent, insaħħu l-għaqda u l-prosperità għall-popli tagħna,” tenna il-Prim Ministru.
Id-diskussjonijiet waqt dan is-summit iffukaw ukoll fuq il-progress fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq inizjattivi li qed iġibu benefiċċji konkreti liċ-ċittadini u lin-negozji fir-reġjun.
Il-Prim Ministru saħaq li l-koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u dawn il-pajjiżi hija importanti ħafna biex tissaħħaħ il-qagħda ekonomika, ir-reżiljenza demokratika u s-sigurtà Ewropea.
“It-triq ‘il quddiem hija li nkomplu nsostnu lil dawn il-pajjiżi fil-mixja tagħhom biex jibqgħu qrib l-Unjoni Ewropea u biex anke meta jkun il-waqt, iġifieri meta jseħħu r-riformi kollha neċessarji u jilħqu l-kriterji stabbiliti kif kellna nilħqu lkoll kemm aħna, jissieħbu wkoll fil-familja tagħna,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.


