“Il-Parlament tal-ġejjieni għandu jkun miftuħ, iżda mhux vulgari; modern, iżda mhux superfiċjali; qrib in-nies, u dejjem dinjituż.”
Iddikjara dan l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia f’diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja ta’ tifkira tas-Sette Giugno li saret fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
L-Ispeaker beda biex qal li llum ninsabu hawn biex infakkru mument li biddel il-kuxjenza ta’ pajjiżna. Huwa mument fejn il-poplu Malti sab il-kuraġġ jitkellem meta kien ilu wisq ma jinstema’. Fis-7 ta’ Ġunju 1919, erba’ wlied il-poplu – Carmelo Abela, Ġużeppi Bajada, Manwel Attard u Wenzu Dyer – tilfu ħajjithom.
“Mietu għax il-poplu tagħhom kien qed jitlob l-aktar ħaġa fundamentali: li jkollu vuċi, li jingħata widen, li jiġi trattat b’dinjità fil-pajjiż tiegħu stess,” kompla jgħid l-Ispeaker Farrugia.
Huwa żied li issa għaddew 107 snin minn din il-ġrajja storika. “Meta ngħidu 107 snin inkunu qed insemmu seklu u aktar ta’ trasformazzjoni nazzjonali,” saħaq l-Ispeaker. “F’din il-mixja tul is-snin, il-Parlament Malti ma baqax l-istess. Għadda minn kamra storika fil-Palazz għal binja moderna mibnija apposta għall-ħidma parlamentari.
“Għadda minn istituzzjoni li kienet tħares lejn l-awtonomija bħala aspirazzjoni għal istituzzjoni li kisbet pass importanti permezz tal-Att dwar is-Servizz Parlamentari, li waqqaf Servizz Parlamentari awtonomu u indipendenti mill-Eżekuttiv.
“Għadda wkoll minn żmien fejn il-ħidma tal-Kamra kienet tidher biss minn min kien fiżikament preżenti għal żmien fejn il-poplu jista’ jsegwi l-plenarja u l-kumitati permezz ta’ xandir fuq it-televiżjoni u fuq l-internet, arkivji diġitali u dokumenti aċċessibbli.”
L-Ispeaker tenna li f’dawn il-107 snin, Malta kisbet Kostituzzjoni, istituzzjonijiet, identità soda u Parlament Sovran. Kisbet il-jedd li l-poplu Malti jiddeċiedi hu dwar il-futur tiegħu. Kisbet vuċi li tinstema’ mhux biss f’pajjiżna, iżda wkoll barra minn xtutna, imma flimkien ma’ dan kollu, kisbet ukoll responsabbiltà kbira.
Huwa saħaq li għandna għalfejn inkunu kburin li l-Parlament f’dawn is-snin saħħaħ il-preżenza tiegħu, il-pubblikazzjonijiet tiegħu, il-ħidma internazzjonali tiegħu, l-aċċess pubbliku tiegħu, il-ħidma tal-Kumitati tiegħu, l-istandards tiegħu u l-awtonomija tiegħu.
L-Ispeaker Farrugia spjega li fl-14-il Leġiżlatura biss, din il-ħidma tidher ukoll f’ċifri ċari: saru 459 seduta tal-Kamra, tressqu madwar 36,000 mistoqsija parlamentari; ingħataw 90 ruling mis-Sedja; saru 551 laqgħa ta’ kumitati; tressqu 179 Abbozz ta’ Liġi li minnhom 161 saru Atti tal-Parlament; u ġew ippreżentati 471 mozzjoni, li minnhom 46 kienu mozzjonijiet ta’ membri privati.
“Ir-rispett lejn din l-isituzzjoni jrid ikun assolut”
L-Ispeaker qal ukoll li kull Deputat għandu jiftakar li l-kelma tiegħu ma tappartjenix lilu biss, iżda lill-fiduċja li l-poplu jqiegħed fl-istituzzjonijiet tiegħu. Huwa ddikjara b’mod ċar li r-rispett lejn din l-istituzzjoni jrid ikun assolut.
Mhux formalità jew tiżjin. Mhux kliem sabiħ biss għall-okkażjoni, imma dmir morali, kostituzzjonali u nazzjonali.
U hawn l-Ispeaker qal li tidħol lezzjoni oħra kbira tas-Sette Giugno, dik li d-demokrazija mhix biss il-jedd li titkellem imma wkoll id-dmir li titkellem b’responsabbiltà, li l-libertà mhix biss li tgħajjat iżda li tagħraf x’inhu xieraq u li l-Parlament ma jista’ qatt ikun b’saħħtu jekk il-poplu jitlef il-fiduċja fih.
Għalhekk bħala President tal-Kamra, u b’rispett lejn kull membru, l-Ispeaker tenna li l-pass li jmiss ma jistax ikun kożmetiku. “Irridu Parlament li jqis l-Ordnijiet Permanenti tiegħu mhux bħala relikwa, iżda bħala għodda ħajja li trid tiġi aġġornata biex il-ħidma tkun aktar ċara, aktar mgħaġġla fejn hemm bżonn, u aktar profonda fejn il-pajjiż jitlob serjetà.
“Irridu kumitati permanenti li ma jkunux biss ismijiet fuq karta, iżda laboratorji ta’ skrutinju, ta’ għarfien u ta’ soluzzjonijiet. Irridu aktar ħidma preleġiżlattiva, aktar konsultazzjoni pubblika vera, aktar valutazzjoni tal-impatt tal-liġijiet, u aktar ħidma biex il-liġijiet ma jibqgħux biss mgħoddija iżda jiġu mkejla fil-ħajja tan-nies.
“Mingħajr ma jitlef id-dinjità tiegħu, irridu wkoll Parlament li jitkellem il-lingwa tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Il-Parlament għandu jidħol b’aktar kuraġġ fl-edukazzjoni ċivika, fil-laqgħat mal-istudenti, fit-teknoloġija, fl-intelliġenza artifiċjali u fl-aċċess għal persuni b’diżabilità.
Mhux għax hekk hi l-moda. Iżda biex il-leħen tal-poplu ma jkunx magħluq wara bieb, wara proċedura, jew wara lingwa li ċ-ċittadin ma jifhimx.
Il-ftehim kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Parlamentari kellu importanza partikolari
L-Ispeaker tkellem ukoll dwar il-ftehin kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Parlamentari, li qal li kellu importanza partikolari. Huwa ddeskriva dan il-ftehim bħala “pass ta’ rispett lejn il-ħaddiema tal-Parlament u lejn il-funzjoni kostituzzjonali tal-istituzzjoni.”
L-Ispeaker qal li Parlament b’saħħtu jeħtieġ Membri responsabbli iżda wkoll staff imħarreġ, motivat u rispettat u li jingħata l-għodod biex jaqdi dmiru b’dinjità. F’dan l-isfond, huwa qal li saret u għadha għaddejja ħidma ta’ tisħiħ amministrattiv li għandha tinftiehem bħala estensjoni naturali tal-istess riforma.
“Is-Sette Giugno m’għandux jibqa’ biss tifkira nazzjonali iżda wkoll mera morali”
L-Ispeaker Farrugia tkellem ukoll dwar il-kuntest internazzjonali fejn qal li dak li qed jiġri ’l bogħod minna jolqotna fl-ekonomija, fil-prezzijiet, fis-sigurtà, fil-paċi soċjali. Għalhekk għalina s-Sette Giugno m’għandux jibqa’ biss tifkira nazzjonali, iżda wkoll mera morali.
“Hemm aspett ieħor li llum, bħala Parlament ta’ pajjiż sovran, ma nistgħux ninjoraw: ir-rwol tal-Parlament fis-sitwazzjoni ġeopolitika ta’ żmienna. Il-paċi llum ma tistax titqies bħala kelma sabiħa jew kunċett imbiegħed. Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, it-tensjonijiet u l-vjolenza fil-Lvant Nofsani, kif ukoll l-iżviluppi li jinvolvu l-Iran, l-Iżrael u l-Istati Uniti, juruna li dak li jiġri lil hinn minn xtutna jolqot direttament lill-familji tagħna: fil-prezzijiet, fl-enerġija, fis-sigurtà, fil-migrazzjoni, fil-kummerċ u fuq kollox fil-kuxjenza morali tagħna.”
“Għalhekk il-Parlament Malti ma kienx spettatur quddiem il-ġrajjiet ta’ żmienna. Kien, u għandu jibqa’, vuċi attiva ta’ prinċipju, ta’ djalogu u ta’ responsabbiltà. Vuċi li, minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, tfittex li tibni pontijiet fejn hemm il-firdiet, li tqajjem il-kuxjenza fejn hemm it-tbatija, tiddefendi d-dritt internazzjonali, u d-dritt umanitarju internazzjonali u tħares il-ħajja tal-bniedem.”
L-Ispeaker semma l-ħidma fil-fora internazzjonali u fakkar li fi ħdan l-Unjoni Interparlamentari, l-IPU, huwa ġie elett u aktar tard elett mill-ġid b’mod unanimu, bħala President tal-Kumitat għall-Promozzjoni tar-Rispett tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali.
Qal li din il-fiduċja internazzjonali, bil-ħidma tal-presidenza mġedda sa Ottubru li ġej, ma kinitx biss kisba personali għalih, iżda konferma tal-fiduċja li l-komunità parlamentari internazzjonali għandha fil-Parlament ta’ Malta u fil-mod kif pajjiżna jressaq ’il quddiem il-valuri tal-umanità, tal-liġi u tal-paċi.
Huwa rrefera wkoll fost oħrajn għas-sehem tiegħu fit-Task Force tal-IPU dwar ir-riżoluzzjoni paċifika tal-gwerra fl-Ukrajna. Qal li l-ħidma tat-Task Force mhix biss tfassil ta’ dikjarazzjonijiet, hi xogħol paċenzjuż, diskret u uman, mibni fuq djalogu kontinwu bejn delegazzjonijiet li ġejjin minn realtajiet ta’ kunflitt.
L-Ispeaker qal li għalhekk f’dan il-jum tas-Sette Giugno, meta nfakkru poplu li darba għajjat biex jinstema’ għandna nifhmu aktar minn qatt qabel il-vuċi ta’ dawk li llum, f’partijiet oħra tad-dinja, qed jgħajtu għall-ħarsien, għall-ġustizzja u għall-paċi.
“Malta m’għandhiex il-kobor tal-qawwa militari jew ekonomika ta’ ħaddieħor iżda għandha xi ħaġa li m’għandhiex tiġi sottovalutata: Kredibilità, esperjenza parlamentari, storja ta’ djalogu u leħen li meta jintuża b’serjetà jista’ jservi ta’ pont. U dak il-pont, f’dinja mimlija ħitan, huwa servizz lejn pajjiżna u lejn l-umanità,” qal l-Ispeaker.
“Il-Parlament huwa fdat lilna, iżda jappartjeni lill-poplu għal dejjem”
Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu, l-Ispeaker enfasizza wkoll li “r-rispett lejn il-Parlament ma jistax jintalab biss mill-poplu. L-ewwel irid jingħata minna. Ma nistgħux nitolbu fiduċja jekk inħallu l-fiduċja titkisser b’atteġġjamenti żgħar. Ma nistgħux nitolbu serjetà jekk il-kelma ssir arma u mhux strument ta’ verità.
Ma nistgħux nitolbu preżenza fil-kommemorazzjonijiet jekk aħna stess ma nurux li l-memorja nazzjonali hija obbligu u mhux għażla skont il-konvenjenza.
“Il-Parlament huwa fdat lilna, iżda jappartjeni lill-poplu għal dejjem. Għalhekk min iħobbu għandu jkollu l-kuraġġ isemmih meta jkun qed jitgħolla, u bl-istess kuraġġ iwissih meta jkun qed jitbaxxa.”
Għalhekk, l-Ispeaker qal li jħares lejn il-futur b’viżjoni ċara. “Nixtieq nara Parlament li jkun aktar puntwali fil-ħidma tiegħu; aktar preżenti fil-kumitati tiegħu; aktar rispettat fil-lingwaġġ tiegħu; aktar qrib l-iskejjel, l-Università, l-anzjani, il-ħaddiema u l-intrapriżi ż-żgħar; aktar kapaċi jeżamina l-politika Ewropea qabel ma ssir piż fuq iċ-ċittadin; aktar kuraġġuż fuq l-ambjent, il-governanza, il-ġustizzja soċjali, id-diġitalizzazzjoni u l-ġid komuni. Nixtieq nara Parlament li ma jkunx biss il-post fejn il-liġi tgħaddi, iżda fejn il-ħsieb jimmatura.
“Sakemm inkun fdat b’din il-kariga, ma narax lis-Sedja bħala dekorazzjoni. Naraha bħala piż. Piż sabiħ, iżda piż. Piż li jitlob il-bilanċ, il-paċenzja, li tisma’ iżda li tkun ferm. Xi kultant is-Sedja trid tgħid iva; xi kultant trid tgħid le; xi kultant ikollha tibqa’ titkellem minkejja li jkun aktar faċli li tibqa’ siekta.
Imma jekk is-Sedja tibqa’ marbuta mal-verità, mal-Ordnijiet Permanenti, mal-Kostituzzjoni u mal-ġid tal-Kamra kollha, allura tkun qed tagħmel dak li għalih teżisti: tħares il-leħen tal-poplu minn kull abbuż, esaġerazzjoni u pressjoni,” temm jgħid l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.
Wara d-diskors tal-Ispeaker, sar ukoll it-tqegħid ta’ kuruni tal-fjuri fuq il-Monument tas-Sette Giugno 1919 mid-dinjitari preżenti, rappreżentanti tal-familji tal-vittmi tas-Sette Giugno 1919 u organizzazzjonijiet oħra.


