Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Lufthansa Technik Malta

Ftehim ta’ erba’ snin li jġib titjib fil-pagi, fil-progressjoni tal-karriera, fis-sigħat tax-xogħol u fl-allowances

Aqra wkoll

It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Lufthansa Technik Malta, li jkopri l-perjodu bejn l-2026 u l-2029.

Dan il-ftehim ta’ erba’ snin ikompli jibni fuq il-kisbiet preċedenti u jintroduċi titjib konkret fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li jirrifletti l-impenn tal-GWU li tkompli taħdem favur kundizzjonijiet aħjar għall-membri tagħha permezz tad-djalogu u n-negozjar kollettiv.

Fost il-kisbiet ewlenin tal-ftehim hemm titjib fil-pagi, opportunitajiet aħjar għall-progressjoni fil-karriera, sigħat tax-xogħol inqas, aktar flessibbiltà u titjib fl-allowances.

Approvazzjoni b’saħħitha mill-ħaddiema

Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU, Jurgen Azzopardi, spjega li qabel l-iffirmar tal-ftehim, it-Taqsima organizzat laqgħat mal-ħaddiema ta’ kull sezzjoni sabiex tispjega fid-dettall it-tibdil u l-kundizzjonijiet il-ġodda li kienu qed jiġu proposti.

Matul dawn il-laqgħat, il-GWU tat ukoll l-opportunità lill-membri tagħha biex jivvutaw dwar l-approvazzjoni tal-ftehim. Ir-riżultat wera appoġġ b’saħħtu ħafna favur il-Ftehim Kollettiv il-ġdid.

Azzopardi enfasizza li dan ir-riżultat jirrifletti l-fiduċja tal-ħaddiema fil-proċess tan-negozjar u fil-ħidma li saret sabiex jintlaħaq ftehim li jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom.

Il-GWU rrikonoxxiet ukoll il-kooperazzjoni ta’ Lufthansa Technik Malta matul il-proċess tan-negozjar, filwaqt li apprezzat ir-rieda tal-kumpanija li tidħol f’diskussjonijiet kostruttivi mal-Union sabiex jintlaħaq ftehim li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Is-Segretarju Jurgen Azzopardi rringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess, b’mod partikolari lill-membri kollha tal-Kumitat għall-kontribut tagħhom matul in-negozjati, kif ukoll lil Rita Dimech, Segretarju Taqsima Kimika u Enerġija fi ħdan il-GWU, li wkoll kienet tagħmel parti minn dawn in-negozjati.

Impenn komuni favur il-ħaddiema u l-futur tal-kumpanija

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Lufthansa Technik Malta, l-Inġinier Maria Cilia, iddeskriviet l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv bħala pass importanti għall-kumpanija u għall-impjegati tagħha.

“L-iffirmar ta’ dan il-Ftehim Kollettiv ġdid ta’ erba’ snin mal-General Workers’ Union, li jkopri l-perjodu bejn l-2026 u l-2029, jimmarka pass importanti għal Lufthansa Technik Malta u għall-impjegati tagħna.

“Dan il-ftehim jirrifletti impenn komuni biex ninvestu fin-nies tagħna, insaħħu l-kompetittività tagħna u nappoġġjaw it-tkabbir u s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija tagħna.

“Il-ftehim jipprovdi titjib fir-remunerazzjoni, opportunitajiet aħjar għall-iżvilupp tal-karriera, benefiċċji msaħħa għall-impjegati u qafas modern li jappoġġja l-flessibbiltà operattiva meħtieġa f’industrija tal-avjazzjoni globali kompetittiva ħafna.

“Fl-istess waqt, isaħħaħ is-sħubija tagħna mal-Union u l-impenn komuni tagħna favur djalogu kostruttiv, stabbiltà u armonija industrijali. Flimkien, qed nibnu futur aktar b’saħħtu għall-impjegati tagħna, għall-klijenti tagħna u għal Lufthansa Technik Malta bħala waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tal-manutenzjoni tal-avjazzjoni f’Malta u fi ħdan in-network ta’ Lufthansa Technik,” qalet l-Inġinier Cilia.

In-negozjar kollettiv iwassal għal titjib konkret

Il-GWU sostniet li dan il-ftehim huwa eżempju tal-valur tad-djalogu soċjali u tan-negozjar kollettiv bħala għodod essenzjali biex jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.

Il-ftehim jirrappreżenta riżultat pożittiv għall-ħaddiema ta’ Lufthansa Technik Malta u pass ieħor ’il quddiem fil-ħidma kontinwa tal-Union biex tħares l-interessi tal-membri tagħha u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-Ftehim Kollettiv ġie ffirmat minn Jurgen Azzopardi, Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU, u Angelo Psaila, Shop Steward tal-GWU.

F’isem Lufthansa Technik Malta ffirmaw Marcus Motschenbacher, Chairman, l-Inġinier Maria Cilia, Kap Eżekutti, u Ramona Galea, Head of People and Culture.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport