L-eks goalkeeper internazzjonali Franċiż Sebastien Frey, wieħed mill-aktar gowlkipers magħrufa tal-ġenerazzjoni tiegħu, se jżur Malta bejn l-4 u s-6 ta’ Diċembru 2026 biex jieħu sehem f’sensiela ta’ avvenimenti taħt l-isem: “Istinto Puro – Sébastien Frey for Hospice Malta”, b’risq Hospice Malta.
L-eks goalkeeper, li kellu karriera brillanti ma’ wħud mill-aqwa klabbs tal-futbol fl-Ewropa, fosthom Inter Milan, Parma, Fiorentina u Genoa, se jżur Malta biex jappoġġja lil Hospice Malta permezz ta’ diversi attivitajiet, filwaqt li jippromwovi wkoll l-importanza tal-qari permezz tal-ktieb tiegħu, *Istinto Puro*.
Sébastien Frey, imwieled fit-18 ta’ Marzu 1980, huwa eks gowlkiper professjonali Franċiż li kellu karriera distinti, partikolarment fis-Serie A Taljana. Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu ma’ Cannes fl-1997 qabel ma mar l-Italja, fejn lagħab ma’ Inter, Hellas Verona, Parma, Fiorentina u Genoa, fost oħrajn.
Huwa temm il-karriera tiegħu bħala plejer fl-2015 wara perjodu mal-klabb Tork Bursaspor. Fost l-unuri li kiseb fil-karriera tiegħu hemm il-premju *Guerin d’Oro* tas-sena 2000 u r-rebħ tal-Coppa Italia fl-istaġun 2001–02 ma’ Parma. Fl-2022, huwa daħal ukoll fil-*Hall of Fame* ta’ Fiorentina.
Il-programm ta’ tlett ijiem se jinkludi diversi attivitajiet li se jlaqqgħu flimkien dilettanti tal-futbol, plejers żgħażagħ u l-komunità, f’okkażjoni speċjali b’appoġġ għal Hospice Malta.
Nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Diċembru 2026, fis-7:30pm, se ssir ikla speċjali f’The Victoria Hotel, Tas-Sliema. Din l-attività se tinkludi opportunità biex il-parteċipanti jiltaqgħu ma’ Sébastien Frey, sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, opportunitajiet biex jittieħdu r-ritratti, kif ukoll kompetizzjonijiet bi premjijiet.
Nhar is-Sibt, 5 ta’ Diċembru 2026, Frey se jattendi għal “Torneo Insieme a Frey” – turnew tal-futbol (b’timijiet ta’ ħames plejers) għal plejers żgħażagħ imwielda bejn l-2015 u l-2017. It-turnew jibda fis-1:00pm fiż-Żurrieq, b’kollaborazzjoni ma’ Żurrieq FC. Nhar il-Ħadd, 6 ta’ Diċembru 2026, Sébastien Frey se jiltaqa’ mal-pazjenti ta’ Hospice Malta waqt żjara speċjali ddedikata għalihom.
Memorabilia for Charity Malta tixtieq tesprimi l-gratitudni sinċiera tagħha lil Visit Malta, l-Awtorità tad-Djar, AX The Victoria Hotel, AX Verdala Wellness Hotel, Trattoria X-Xatba u Hans Travel and Lifestyle għall-appoġġ u l-kontribut tagħhom biex dawn l-avvenimenti jsiru possibbli, u biex din il-leġġenda tal-futbol tinġieb f’Malta b’appoġġ għal Hospice Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti, il-pubbliku huwa mistieden isegwi lil Memorabilia for Charity Malta fuq Facebook u Instagram, jew jikkuntattja lill-organizzaturi permezz ta’ email fuq [email protected] jew bit-telefon fuq 99896164 / 77220229.




