It-tennista Amerikana, Amanda Anisimova, kellha tagħti spjegazzjoni dwar bidla notevoli fid-dehra tagħha wara li rċeviet ħafna kummenti fuq il-midja soċjali.
Anisimova, permezz tal-kont uffiċjali tagħha fuq Instagram, talbet biex titħalla fil-paċi u ma tkunx suġġett għal kummenti dwar il-ġisem tagħha.
Il-player kellha tirtira mis-Singapore Open minħabba injury fil-polz, u wara dan żdiedu l-kummenti dwar it-trasformazzjoni tagħha, fosthom xi wħud negattivi. Hija ċaħdet li kienet ħadet xi injezzjonijiet jew xi forma ta’ pilloli.
Il-player Rumena Elena-Gabriela Ruse, ħabiba ta’ Anisimova, appoġġjatha pubblikament u kkritikat il-kummenti negattivi li saru dwarha.
Ruse qalet li wieħed għandu jaħseb darbtejn qabel jiġġudika atleta professjonali minn wara l-keyboard. Hija spjegat li l-ħajja ta’ atleta tinvolvi snin ta’ dixxiplina, injuries, pressjoni, solitudni u sigħat twal ta’ taħriġ li l-pubbliku ma jarax.
Skont Ruse, is-suċċess fit-tennis ma jiġix b’xorti iżda jirrikjedi talent, dedikazzjoni u kuraġġ. Hija enfasizzat ukoll li l-atleti spiss ikollhom jerġgħu jqumu wara telfiet, jilagħbu minkejja l-uġigħ, jitbiegħdu mill-familja u l-ħbieb, u jiffaċċjaw diffikultajiet personali li ħadd barra d-dinja tagħhom ma jkun jaf bihom.




