AZERBAIJAN……. 0
MALTA……………. 2
F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fil-Haladas Stadium, fl-Ungerija, Malta għelbet lill-Azerbaijan bl-iskor ta’ 2-0 bl-eroj ikun il-goalkeeper Rashed Al Tumi li salva dak kollu mitfugħ lejh.
Sa mis-suffara inizjali, l-Azerbaijan ħarġu fuq l-offensiva biex ifittxu goal kmieni u wara seba’ minuti kienu għoddhom fetħu l-iskor meta Khayal Aliyev għeleb in-nasba tal-offside iżda meta ġie biex jikkonkludi sofra injury biex it-tentattiv tiegħu ġie mblukkat f’corner.
Fit-13-il minuti kellu jkun Alejandro Garzia li mblokka fil-ħin lil Mahir Emreli biex evita goal ċert.
Fil-25 minuta, konna fortunati li ma sofrejniex il-goal meta l-iżmarkat Mahir Emreli falla l-mira minn tliet metri bogħod wara li kkonnettja mill-cross ta’ Elvin Jafarguliyev.
F’botta u risposta, Ilyas Chouaref bidel il-ballun ma’ Alex Satariano iżda xutt fil-baxx tiegħu spiċċa ftit barra.
Fl-34 minuta, il-goalkeeper Malti, Rashed Al Tumi, wettaq save tremend biex ċaħħad ix-xutt ta’ Toral Bayramov minn barra l-kaxxa li kien destinat għar-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Fil-45 minuta, Al Tumi reġa’ kien providenzjali għal Malta meta newtralizza l-cross perikolużi ta’ Toral Bayramov wara li rċieva mingħand Jafarguliyev. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima kien Ewurum li ħarab fuq il-faxxa xellugija iżda minn pożizzjoni angolata xxuttja ċentrali.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Azerbaijan ippruvaw ikunu aktar avventurużi iżda l-Maltin bdew jagħlqu l-ispazji neċessarji biex bdew jifgaw il-furja tal-avversarji.
Fis-56 minuta, Al-Tumi tar minn tulu biex dawwar ix-xutt ta’ Abdulakh Khaibulaev li mmira lejn ir-rokna tax-xibka.
Fil-65 minuta ftaħna l-iskor meta Satariano għadda lejn Ilyas Chouaref li xeħet cross li wasal għand JOSEPH MBONG li t-tentattiv tiegħu ġie mblukkat parzjalment u mir-rebound sammar il-ballun fix-xibka.
Żewġ minuti wara, Gabriel Mentz resaq viċin li jirdoppja iżda x-xutt minn barra l-kaxxa għadda ftit ċentimetri minn fuq il-mimduda.
Fil-75 minuta, minn azzjoni ta’ corner, l-Azeri skorjaw iżda ġustament il-goal ġie mħassar minħabba li l-iskorer, Elvin Badalov, kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Fit-78 minuta, megħjun mill-mimduda, Al-Tumi salva l-cross-shot ta’ Tellur Mutallimov. Minuta wara kien Kevin Cannavo li salva minn fuq il-linja fatali u fit-82 minuta reġa’ kien Al-Tumi li salva l-kanunata ta’ Toral Bayramov bil-ballun jitla’ mal-mimduda u jinqala’ ‘l barra.
Fis-86 minuta, il-Maltin irduppjaw meta ALEX SATARIANO bidel il-ballun ma’ Joseph Mbong, ġibed lejn ix-xellug u b’xutt imdawwar tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Azerbaijan: Aydin Balayev, Elvin Badalov, Badavi Huseynov, Anton Krivotsyuk, Gismat Aliyev (Vusal Isgandarli 70), Emil Safarov (Abdulakh Khaibulaev 46), Aleksey Isaev, Elvin Jafaguliyev, Toral Bayramov (Renat Dadasov 70), Khayal Aliyev (Nariman Akhundzade 8) (Tellur Mutallimov 70), Mahir Emreli (Rustam Akhmedzade 70) – Coach: Aykhan Abbasov
Malta: Rashed Al-Tumi (James Sissons 94), Alejandro Garzia (Zach Muscat 46), Juan Carlos Corbolan (Myles Beerman 46), Enrico Pepe (Gabriel Bohrer Mentz 62), Kurt Shaw, Alex Satariano (Jake Azzopardi 94), Matthew Guillaumier (Paul Mbong 62), Keyon Ewurum (Kevin Cannavo 62), Ilyas Chouaref (Carlo Zammit Lonardelli 84), Teddy Teuma (Brandon Paiber 62), Andrea Zammit (Joseph Mbong 46) – Coach: Emilio De Leo
Referee: Mihaly Kapraly (Ungerija)
assistenti: Balazs Buzas, Bence Belicza (Ungerija)
Raba’ Uff.: Tamas Bognar (Ungerija)
Skorers: J. Mbong 65, A. Satarino 86 (M)
Ammoniti: E. Badalov (A); K. Ewurum (M)


