Għaxaq Wolves u Senglea Gunners huma l-finalisti tal-kompetizzjoni Knock-Out tal-MAFA wara li rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.
Iċ-champions Għaxaq Wolves għelbu lil Valletta St Paul’s 3-1 f’logħba ferm missielta.
Kienu l-Għaxqin li marru minn fuq fit-28 minuta permezz ta’ Alan Fernando Goncalves Cloth sabiex Diego Fernando Pereira rdoppja l-iskor.
Luka Asanidze naqqas il-marġni tal-iskor għall-Beltin iżda l-aħħar kelma reġgħet kienet tal-Wolves li ssiġġillaw ir-rebħa permezz ta’ gowl ieħor ta’ Diego Fernando Pereira.
Referee kien Lorry Sammut.
Senglea Gunners ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Ħamrun Sporting 4-0.
Kif jindika l-iskor, is-Sengleani ddominaw il-partita u wara li fetħu l-iskor permezz ta’ Seedy Fofana, Isaac Kwesi Dankwah, Christopher Philip Balotelli u għal darb’oħra Fofana komplew żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.
Referee kien Raymond Tabone.
Il-finali bejn Għaxaq Wolves u Senglea Gunners se tintlagħab nhar is-Sibt li ġej fl-4.30pm fil-grawnd ta’ Marsaxlokk. Din hi ripetizzjoni ta’ finali li ntlagħbet ftit tax-xhur ilu fl-okkażjoni tas-70 anniversarju tal-MAFA fejn dakinhar kienu rebħu t-tim mill-Kottonera wara l-għoti tal-penalties.


