minn Cristian Muscat
L-aħħar xhur kienu fost l-aktar memorabbli fl-istorja ta’ Qormi Hockey Club. Il-klabb mhux biss ġie rikonoxxut bħala l-EuroHockey Small Club of the Year 2025, unur li qatt qabel ma kiseb klabb Malti, iżda kompla juri l-potenzjal tiegħu fuq il-palk Ewropew b’wirjiet impressjonanti fil-EuroHockey Club Challenge I fis-Slovenja.
Wieħed mill-protagonisti ewlenin ta’ dan il-vjaġġ huwa Steve Tanti, captain, figura magħrufa fil-hockey Malti u parti importanti mis-suċċess kontinwu tal-klabb. F’intervista magħna, Tanti tkellem dwar l-esperjenza Ewropea riċenti, il-kisbiet tal-klabb u l-futur promettenti li jistenna lil Qormi Hockey Club.
“Għadna kemm wasalna mis-Slovenja u għadna qed nipproċessaw dak kollu li għaddejna minnu,” beda jgħid Tanti. “Konna qed nikkompetu fl-ogħla livell li qatt wasalna fih. It-target tagħna kien wieħed ċar mill-bidu, li nżommu postna fil-EuroHockey Challenge I u nuru li nistgħu nikkompetu ma’ timijiet ta’ livell għoli. Dan kien objettiv realistiku iżda mhux wieħed faċli.”
Il-EuroHockey Club Challenge I ġab flimkien timijiet ta’ kwalità kbira minn diversi pajjiżi Ewropej, u għal Qormi kienet opportunità oħra biex ikejlu l-livell tagħhom kontra avversarji stabbiliti.
“Ma kien hemm l-ebda logħba faċli. Kull tim kien ta’ livell għoli u kull partita kienet sfida differenti. Konna nafu li biex niksbu r-riżultati kellna nkunu fl-aqwa forma tagħna.”
L-ewwel logħba tat-turnew kienet kontra HC SHVSM Olimpia Vinnitsa tal-Ukrajna, tim b’reputazzjoni qawwija fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
“Kontra Olimpia Vinnitsa bdejna ħażin. Fi żmien tmien minuti sibna ruħna 2-0 minn taħt. Kienet sitwazzjoni diffiċli ħafna u setgħet faċilment taffettwa l-moral tat-tim. Però l-plejers tagħna wrew karattru straordinarju.”
Minn hemmhekk, Qormi dawwar kompletament il-logħba u kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2.
“Dik ir-rebħa kienet kruċjali. Mhux biss għax ġabet tliet punti importanti, iżda għax tatna kunfidenza kbira. Dak il-ħin bdejna nemmnu aktar fil-kapaċitajiet tagħna. Ir-riżultat kien ifisser ukoll li konna qrib ħafna li nassiguraw post fil-play-offs.”
It-tieni partita kienet kontra t-tim ospitanti HK Triglav Predanovci tas-Slovenja. Kienet logħba li kellha tiddeċiedi min jispiċċa fl-ewwel jew fit-tieni post tal-grupp.
“Erġajna sibna ruħna 2-0 minn taħt. Kien mument diffiċli ħafna. Din id-darba draw ma kienx biżżejjed għal dak li ridna niksbu. Kellna bżonn nirreaġixxu immedjatament.”
Ir-reazzjoni waslet fl-aħħar 20 minuta.
“Il-plejers ġġieldu għal kull ballun. Tajna kollox u rnexxielna nġibu l-iskor 2-2. Konna qrib ħafna li niskorjaw it-tielet gowl li kien jagħtina r-rebħa. Ma wasalx, iżda xorta kien riżultat pożittiv kontra t-tim ospitanti quddiem il-partitarji tiegħu stess.”
Il-vjaġġ Ewropew ta’ Qormi wassalhom imbagħad biex jiltaqgħu ma’ wieħed mill-aktar timijiet b’saħħithom fit-turnew, HAHK Mladost tal-Kroazja.
“Mladost huwa tim rinomat ħafna internazzjonalment. Għandhom plejers ta’ livell għoli u esperjenza enormi. Timijiet bħal dawn jgħinuk tifhem fejn qiegħed u x’għandek bżonn biex tkompli tikber.”
Il-logħba ntemmet b’telfa ta’ 6-0 għat-tim Malti.
“L-iskor kien diżappuntanti għalina. Nemmen li ma kienx ħaqqna dik id-differenza daqshekk kbira. Però xi kultant fil-logħob jiġru dawn l-affarijiet. Irridu nagħtu l-mertu kollu lill-avversarji tagħna li kienu brillanti dakinhar.”
Minkejja t-telfa, Tanti jinsisti li l-prestazzjoni ġenerali tat-tim kienet waħda li tagħmel unur lill-klabb u lil Malta.
“Ħriġna mill-grawnd b’rasna mgħollija. Meta tħares lejn it-turnew kollu, nistgħu ngħidu li morna tajjeb ħafna. Il-fatt li żammejna postna fiċ-Challenge I kien eżattament dak li konna stabbilixxejna bħala l-għan tagħna qabel tlaqna.”
Dan is-suċċess Ewropew ġie wara sena straordinarja għal Qormi Hockey Club. Il-klabb rebaħ l-unuri lokali kollha disponibbli u spiċċa l-kampjonat mingħajr telfa. Barra minn hekk, kiseb ukoll l-unur prestiġjuż ta’ EuroHockey Small Club of the Year 2025.
“Dak ir-rikonoxximent ifisser ħafna għalina. Mhuwiex premju għal tim wieħed biss, iżda għall-familja kollha tal-klabb. Għall-plejers, il-kowċis, il-voluntiera, il-ġenituri u kull min jagħti sehmu biex il-klabb jibqa’ miexi ’l quddiem.”
Qormi Hockey Club ilu jinvesti b’mod qawwi fl-iżvilupp taż-żgħażagħ u fil-promozzjoni tal-isport fost it-tfal u l-komunità.
“Dak huwa wieħed mill-punti b’saħħitna. Nemmnu ħafna fil-bażi. Jekk trid futur b’saħħtu trid tibda miż-żgħażagħ. Għandna nies dedikati ħafna li jaħdmu bla waqfien biex jattiraw aktar tfal lejn il-hockey.”
Meta mistoqsi fejn jista’ jasal dan it-tim fis-snin li ġejjin, Steve Tanti ma jaħbix l-ottimiżmu tiegħu.
“Onestament, ma naħsibx li għandna limiti. Meta nara n-nies involuti fil-klabb, il-passjoni tagħhom u l-impenn li juru kuljum, nemmen li nistgħu naslu ferm aktar ’il bogħod.”
Naturalment, kull klabb jaffaċċja diffikultajiet tul it-triq.
“Problemi dejjem ikun hemm. Kemm finanzjarji, kemm loġistiċi u anke sportivi. Però dejjem sibna mod kif negħlbuhom. Dik hija waħda mill-ikbar kwalitajiet tagħna bħala klabb.”
B’ħarsa lejn il-futur, il-messaġġ tiegħu huwa wieħed ċar.
“The sky is the limit jgħidu l-Ingliżi. Irridu nibqgħu nitgħallmu, nibqgħu nikbru u nibqgħu naħdmu. Din is-sena kienet waħda eċċezzjonali, iżda ma rridux noqogħdu biss fuq dak li ksibna. Issa rridu nħarsu lejn is-sena d-dieħla u nippruvaw nagħmlu saħansitra aħjar.”
Bil-kisbiet li diġà laħqu u bl-ambizzjoni li qed juru, jidher li Qormi Hockey Club għadu biss fil-bidu ta’ kapitlu ġdid u eċitanti fl-istorja tiegħu. U jekk wieħed għandu jemmen lill-kliem ta’ Steve Tanti, l-aħjar għadu ġej.


