Thursday, June 4, 2026

JIEĦDU L-ĠURAMENT 21 MINISTRU U ŻEWĠ SEGRETARJI PARLAMENTARI LI JIFFORMAW IL-KABINETT TAL-GVERN ĠDID LABURISTA

Aqra wkoll

Dalgħodu, 21 Ministru u żewġ Segretarji Parlamentari ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala parti mill-Kabinett tal-Ministri f’din ir-raba’ leġislatura konsekuttiva għall-Partit Laburista fil-Gvern u l-15-il waħda mill-Indipendenza ’l hawn.

Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, kif tesiġi l-Kostituzzjoni, fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, l-Avukat tal-Istat Chris Soler, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

Preżenti wkoll qraba tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ġodda nfushom.

L-ewwel li ħa l-ġurament kien id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, li kien maħtur ukoll bħala Ministru għas-Saħħa. Id-Deputat Prim Ministru ilu jservi fil-Kabinett mill-bidu fil-Gvern Laburista wara l-2013.

Bħalu wkoll hemm Owen Bonnici, li issa nħatar bħala l-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet.

Membri oħrajn fil-Kabinett tal-Ministri żammew l-istess dekasteru bħal dak li kellhom fil-leġislatura li għaddiet. Dawn huma:

  • Michael Falzon bħala Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja;
  • Anton Refalo nħatar Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel;
  • Silvio Schembri nħatar Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi;
  • Julia Farrugia nħatret bħala Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat;
  • Clint Camilleri baqa’ Ministru għal Għawdex;
  • Miriam Dalli baqgħet Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir; u
  • Clyde Camilleri li baqa’ l-Ministru għall-Finanzi.

Hemm ukoll oħrajn, li kienu parti mill-Kabinett fil-leġislatura li għaddiet, u issa għandhom dekastru ġdid jew differenti.

Dawn huma:

  • Byron Camilleri li issa ġie maħtur Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, wara li kien responsabbli mill-Intern;
  • Clifton Grima minn Ministru għall-Edukazzjoni, issa se jservi bħala Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni;
  • Jonathan Attard inħatar Ministru għall-Ippjanar, l-Infrastrttura u x-Xogħol;
  • Jo Etienne Abela nħatar Ministru għat-Turiżmu; u

Chris Bonett inħatar bħala Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli, li għalkemm simili għal dak li kellu sa xahar ilu, ir-responsabbiltajiet il-ġodda tiegħu aktar jirriflettu l-prijoritajiet tal-pajjiż, b’mod partikolari bil-pjan diġà fis-seħħ ta’ ‘Malta in Motion’.

F’dan il-Kabinett ifformat mill-Prim Ministru issa se naraw ukoll ħames Ministri ġodda, li fil-leġislatura li għaddiet kienu fil-pożizzjoni ta’ Segretarji Parlamentari.

Dawn huma:

  • Alison Zerafa Civelli, li kienet Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, issa se jkollha l-istess dekasteru, iżda f’livell ogħla bħala Ministru, flimkien max-Xogħlijiet Pubbliċi;
  • Keith Azzopardi Tanti nħatar Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, wara li fl-aħħar snin kien Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Edukazzjoni;
  • Glenn Bedingfield inħatar Ministru għall-Intern u s-Sigurtà wara li wkoll mexxa trasformazzjoni sħiħa fl-Indafa Pubblika;
  • Malcolm Paul Agius Galea, li kien responsabbli mill-Anzjanità Attiva fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, issa sar il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali;
  • Omar Farrugia se jkollu responsabbiltajiet akbar bħala l-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, missjoni kruċjali meħud kont li l-manifest elettorali kollu hu marbut ma’ indiċi biex il-miżuri jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà.

Ma’ dawn jiżdiedu wkoll Chris Fearne u Rosianne Cutajar, li mill-ġdid se jerġgħu jkunu fil-Kabinett.

  • Chris Fearne, li serva wkoll bħala Deputat Prim Ministru, issa se jibda jservi bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej; waqt li
  • Rosianne Cutajar nħatret għall-ewwel darba fir-rwol ta’ Ministru, bir-responsabbiltajiet tal-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili.

F’dan il-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela, ħadu l-ġurament ukoll żewġ Segretarji Parlamentari.

Dawn huma:

  • Deo Debattista li nħatar Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva; u
  • Alicia Bugeja Said li, taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, se tkun responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali.

Ta’ min jinnota li l-età medja f’dan il-Kabinett il-ġdid hi ta’ 47 sena, bl-akbar membru jkun il-Ministru Anton Refalo, li għandu 69 sena, waqt li l-iżgħar hu l-Ministru Omar Farrugia ta’ 31 sena, li storikament ukoll sar l-iżgħar Ministru li qatt ġie maħtur f’pajjiżna.

Fl-aħħar taċ-ċerimonja, li ħadet madwar siegħa u kwart, il-President Myriam Spiteri Debono wasslet l-awguri tagħha lill-membri kollha tal-Kabinett għal iżjed ħidma sfieqa favur il-ġid ta’ pajjiżna u l-poplu tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport