Plejer żagħżugħ ta’ 18-il sena, Abel Nunez, tilef ħajtu wara li ntlaqat f’rasu b’ballun waqt partita tal-football fl-Arġentina.
Nunez, li kien qed jilgħab ma’ FC Ezeiza kontra Deportivo Muniz, waqa’ mal-art wara li ntlaqat minn ballun ikklerjat b’qawwa minn difensur avversarju. Huwa ttieħed l-isptar u saritlu operazzjoni, iżda ma rnexxilux isalva ħajtu.
Xhud li kien preżenti qal li d-daqqa kienet qawwija ħafna u qabbel il-waqgħa tal-player ma’ knockout fil-boxing. Huwa spjega li l-ballun ivvjaġġa biss erba’ jew ħames metri qabel laqat lil Nunez, li mill-ewwel ntilef minn sensih.
It-team mediku li eżamina liż-żagħżugħ innota li n-nifs tiegħu ma kienx normali.
Meta wasal l-isptar, it-tobba kkonfermaw li Nunez kien sofra ksur fil-kranju u emorraġija interna.




