Tuesday, November 26, 2024

Dimostranti fi Sri Lanka jagħtu n-nar lid-djar tal-mexxejja tal-pajjiż

Aqra wkoll

Ġgajta ta’ dimostranti ġewwa Sri Lanka taw in-nar lil għadd ta’ djar ta’ persuni membri tal-partit Rajapaksa, li qiegħed imexxi lill-pajjiż, kif ukoll għadd ta’ djar ta’ membri parlamentari. Huma għamlu dan bħala ritaljazzjoni wara li kienu ġew attakkati minn persuni li huma attivisti tal-gvern. 

Id-dimostrazzjonijiet kbar ġewwa dan il-pajjiż wasslu biex il-Prim Ministru Mahinda Rajapaksa jħalli l-kariga u dan hekk kif il-poplu mhux kuntent dwar il-kriżi ekonomika li għaddej minnha dan il-pajjiż. Iżda ġara li minkejja li Mahinda telaq mill-kariga, dan xorta waħda ma kkalmax lid-dimostranti tant li għadd ta’ persuni pprovaw jidħlu fir-residenza uffiċjali tiegħu hekk kif hu kien għadu ġewwa. 

Minn nhar it-Tnejn li għadda (il-jum li fih Mahinda rriżenja) sal-lum, madwar seba’ persuni tilfu ħajjithom filwaqt li 190 persuna sofrew ġrieħi fid-dimostrazzjonijiet. Fid-da­wl tal-instabbiltà li għad­dejja, l-awtoritajiet es­tendew il-curfew mal-pajjiż kollu sal-lum. Fl-aħħar sigħat għadd ta’ dimostranti komplew isejħu wkoll għar-riżenja tal-President Gotabaya Rajapaksa, li jiġi ħu Mahinda, li jidher li ma jridx iħalli l-kariga. Il-poplu ta’ Sri Lanka ilu għal dan l-aħħar xahar jipprotesta kontra ż-żieda qawwija fl-ogħli tal-ħajja u l-qtugħ frekwenti tal-provvista tal-elettriku.

Sport