• Segretarju Parlamentari, tnediet din il-konsultazzjoni pubblika, għaliex proprju issa?
Hija konsultazzjoni pubblika li tinbet mir-realtajiet tan-nies, u hija konsultazzjoni pubblika li tajna kelma dwarha fil-manifest elettorali Malta Flimkien.
Id-diskussjoni qed issir wara li fl-aħħar xhur għaddejna minn proċess ta’ tħejjija għal din il-konsultazzjoni pubblika fejn iltqajt u smajt mingħand ħafna persuni minn oqsma differenti tal-ħajja. Ħtart ukoll kumitat tekniku b’numru esperti mediċi u legali li ħejja d-dokument għal konsultazzjoni. Nemmen li hekk qed nipprovdu l-aħjar ambjent għal diskussjoni matura u responsabbli b’parametri stabbiliti li jipprovdu salvagwardji stretti.
• X’inhuma l-prijoritajiet ta’ din id-diskussjoni?
Ħa nkun ċara mill-ewwel, il-prijorità tal-pajjiż hija l-kura paljattiva. Fil-fatt, permezz tal-Ministeru għas-Saħħa l-gvern nieda strateġija għal dan il-għan fl-aħħar ġimgħat, u fl-aħħar xhur rajna anke proġetti konkreti biex din il-kura tissaħħaħ b’investiment qawwi mill-gvern.
Fl-istess ħin tul is-snin smajna u persważa li kważi lkoll nafu b’ esperjenzi, ta’ persuni li jkunu għaddejin minn sofferenzi kbar meta tama ta’ fejqan ma jkunx għad hemm għalihom. Hawn min jemmen li persuna b’marda terminali u li baqgħalha biss ftit ġimgħat ħajja u għaddejja minn tbatija, għandu jkollha l-għażla li titlob għal ewtanażja volontarja b’assistena medika li tirrispetta d-dinjità tagħha. Hawn min jargumenta bil-kontra u jgħid li huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi dan m’għandu jkun qatt il-każ u jsostni li l-mewt tkun dejjem waħda naturali. Ilkoll argumenti li jixhdu li dan hu suġġett sensittiv li jqanqal ħafna emozzjonijiet. Għalhekk irridu konsultazzjoni fejn nagħtu spazju lil kulħadd biex iressaq il-fehmiet tiegħu. Għandha tkun diskussjoni mibnija fuq ir-rispett u l-kompassjoni.
• Ma tarax kontradizzjoni meta minn naħa qed tgħidu li rridu nisimgħu jekk is-soċjetà tridx li nintroduċu Ewtanażja Volontarja u minn naħa l-oħra diġa’ fassaltu dokument bir-regoli. Qisu diġa’ tafu xi tridu?
Il-gvern jemmen li ma jista’ jiġi kkunsidrat ebda proċess li ma jkunx wieħed li jagħti serħan il-moħħ dwar is-serjetà tiegħu. Mela kien għalhekk li tnieda dan id-dokument bi prinċipji u salvagwardji rigorużi u stretti biex iservu ta’ bażi għad-diskussjoni. Għaliex jekk id-diskussjoni tiżvija fuq muddelli li dan il-pajjiż, u l-gvern, mhux lesti jħarsu lejhom, id-diskussjoni ma tkunx sana għax ma tkunx qiegħda tirrifletti r-realtà tas-soċjetà tagħna. Iġifieri filwaqt li kull argument se jkun analizzat u mismugħ, hemm numru ta’ prinċipji importanti li stabilixxejna li m’għandiex nitbiegħdu minnhom.
• X’inhuma l-affarijiet li tqis li huma importanti ħafna?
Hemm diversi u nistieden in-nies jidħlu fil-website facts.gov.mt ħalli jaqraw u janalizzaw il-fatti biex imbagħad jagħtu l-opinjoni tagħhom b’mod infurmat.
Peró ħa nirreferi għal uħud mill-iktar importanti.
Id-dokument jgħid li talba għall-Ewtanażja Volontarja Assistita tista’ ssir biss mill-persuna li tkun qed issofri minn marda terminali, li se ttemilha ħajjitha fi żmien sitt xhur u li tkun kompetenti mentalment biex tieħu din id-deċiżjoni. L-istess prinċipji jgħidu li trid tkun persuna adulta nnifisha li tagħmel it-talba u li d-diżabilità jew mard mentali jew kundizzjonijiet assoċjati mal-anzjanita ma jistgħu qatt ikunu raġunijiet biex tkun ikkunsidrata t-talba
• Ma tinkwetax li tista’ ssir pressjoni?
Jekk xi ħadd jagħmel pressjoni fuq individwu biex jagħmel din it-talba, allura dik il-persuna li tagħmel pressjoni tkun qed twettaq reat kriminali.
• Imma allura din tiddeċiedi l-persuna u daqshekk?
Filwaqt li l-awtonomija tal-persuna hi ċentrali f’dan kollu, dak propost għad-diskussjoni jgħid li jrid ikun hemm proċess li jinvolvi numru ta’ professjonisti differenti u saħansitra bord biex talba tkun ikkunsidrata. Mela l-ewwel trid issir it-talba mill-persuna, li trid tkun iċċertifikata minn tliet professjonisti mediċi, inkluż psikjatra. Il-psikjatra jrid jikkonferma li l-persuna qiegħda f’pożizzjoni mentali li tiddeċiedi għaliha nnifisha. Wara ikun hemm bord immexxi minn eks ġudikant li jrid jevalwa t-talba u jara li kollox qed isir bl-iktar mod serju u skont il-liġi.
• X’jiġri jekk persuna l-ewwel tagħmel it-talba u jerġa jibdilha?
Bla dubju li dik deċiżjoni li għandha tkun rispettata. Mela huwa għalhekk li persuna għandu jkollha d-dritt li tbiddel fhimetha anke fl-aħħar mument.
• Tifhem li hawn tobba li se jgħidu li huma mhux lesti jgħamluha din?
Fil-fatt, id-dokument għall-konsultazzjoni jgħid li t-tabib għandu jkollu l-għażla tal-kuxjenza, iġifieri tabib li ma jridx jagħmel din il-proċedura għandu jkollu kull dritt, filwaqt li jrid jirreferi lill-persuna li qed jagħmel it-talba għand professjonist ieħor.
• Waħda mill-ewwel reazzjonijiet kien hemm stqarrija tal-infermiera li talbu laqgħa miegħek, se tkun qed tiltaqa?
Minnufih jien skedajt numru ta’ laqgħat bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, u allura se niltaqa’ mhux biss ma’ tmexxija tal-MUMN imma wkoll ma’ numru ta’ organizazzjonijiet oħra. Irrid niltaqa’ anke mal-individwi li jixtiequ jitkellmu dwar is-suġġett. Ser ikollna wkoll numru ta’ laqgħat pubbliċi fil-lokalitajiet, fil-Fgura, fil-Mosta u f’Għawdex.
• F’każi bħal dawn, rajniha anke f’dibattiti oħra, jkollok nies li jkunu għaddejin minn sofferenzi u li jistgħu jsibuha diffiċli jgħidu tagħhom anke minħabba privatezza. Kif se tisimugħom?
Hemm il-website fejn tista’ ssir sottomissjoni fl-ikbar privatezza. Peró jien lesta niltaqa’ wkoll ma’ dawn il-persuni b’mod privat, biex nisma direttament dak li għandhom xi jgħidu.
• Bħal mhawn min hu kontra l-ewtanasja, hawn min jaħseb li m’għandux ikun hemm wisq restrizzjonijiet. Kif se jintlaħaq dan il-bilanċ?
Ħa nkun ċara, ma jista’ jkun hemm ebda muddell mingħajr salvagwardji. Dan hu suġġett fejn ma tistax tieħu riskji u għalhekk bgħatna messaġġ ċar mill-ewwel li kull qafas li għandu jew jista’ jiġi kkunsidrat irid ikollu dan il-prinċipju fiċ-ċentru tiegħu. Sodisfatta ferm li anke min assolutament ma jaqbilx mal-ewtanasja volontarja assistita, irrikonoxxa li d-dokument huwa wieħed serju u studjat.
• Finalment, l-appell tiegħek għat-tmien ġimgħat li ġejjin?
Ejja naraw li din m’għandix tkun konsultazzjoni li taqsam in-nies f’żewġ gruppi. Fuq kollox m’għandiex tkun diskussjoni partiġjana għaliex dawn is-sitwazzjonijiet vulnerabbli m’għandhomx partiti u lanqas kuluri. Irridu verament konsultazzjoni pubblika li fiha niddiskutu u nisimgħu lil kulħadd bi qlub u mħuħ miftuħa.