Thursday, December 26, 2024

“Din hi waħda mit-tfal tiegħi issa” 

Ziju ta’ tarbija li ġiet salvata mit-tifrik fis-Sirja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tarbija li twieldet taħt it-tifrik ta’ bini mġarraf fis-Sirja, li hija l-uniku membru tal-familja tagħha li rnexxielha ssalva minn terremot kbir, ġiet adottata miz-zijiet tagħha. 

Eluf ta’ nies offrew li jadottaw lil din it-tarbija, li kienet għadha mwaħħla ma’ ommha bil-kurdun, meta ġiet salvata. 

Hija kienet rilaxxata mill-isptar wara li test tad-DNA ikkonferma min kienet iz-zija tagħha. It-tobba qalu li t-tarbija kienet tinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa. 

“Hija waħda mit-tfal tiegħi issa,” qal ir-raġel ta’ zitha Khalil al-Sawadi lill-aġenzija tal-aħbarijiet Associated Press. “Mhu se jkun hemm l-ebda differenza bejnha u t-tfal tiegħi.” 

It-tarbija issa ngħatat l-isem ta’ ommha, Afraa, li mietet wara t-terremot. Ftit wara li ġie salvata uffiċjali kienu semmewha Aya, li tfisser “miraklu” bl-Għarbi. 

Filmati drammatiċi li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali kienu wrew raġel jiġri ‘l bogħod mit-tifrik u jġorr tarbija f’idu. Kien irrappurtat li t-tarbija kienet ilha taħt it-tifrik għal aktar minn 10 sigħat u t-tobba qalu li kienet waslet l-Isptar f’kundizzjoni kritika, bi ġrieħi ma’ ġisimha kollha. 

Il-bini li fih kienet tgħix il-familja tagħha kien wieħed minn madwar 50 li kienu rrappurtati li nqerdu minn terremot b’qawwa ta’ 7.8 f’Jindayris, belt okkupata mill-oppożizzjoni fil-provinċja ta’ Idlib li tinsab qrib il-fruntiera Torka.

“Ommha kellha twelled ftit wara d-diżastru u spiċċaw biex welldet qabel mietet,” qal qarib. Missierha, l-erba’ aħwa tagħha u zija oħra sfortunatament tilfu ħajjithom ukoll.

“Din it-tifla tfisser ħafna għalina għax ma fadal ħadd mill-familja tagħha minbarra din it-tarbija,” qal Sawadi lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters. “Se tkun memorja għalija, għaz-zija u għall-qraba tagħna kollha fir-raħal ta’ ommha u missierha.”

Sawadi, li kien preżenti meta t-tarbija ġiet salvata, qal lill-Associated Press li kien inkwetat li xi ħadd jista’ jieħu lil Afraa fil-ġimagħtejn li din damet l-isptar hekk kif ħafna kienu dawk li talbu biex jadottawha.

Il-familja li ħaditha qalet li l-aħjar post għal Afraa kien li tirrisjedi mal-qraba tagħha, minkejja li s-sitwazzjoni tagħhom hija waħda diffiċli u dan hekk kif id-dar ta’ Sawadi u martu Hala inqerdet għalkollox fit-terremot u bħalissa qed joqogħdu mal-kuġini tagħhom.

Ekonomija

Sport