Friday, December 27, 2024

“Din iċ-ċaħda mhijiex b’kapriċċ”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni Nanniet Malta taqbel mal-ftuħ tal-iskejjel u tisħaq li n-nanniet għandhom dritt jieħdu ħsieb saħħithom

Miktub minn CARMEN CACHIA

Il-President u Fundatur ta’ Nanniet Malta, Philip Michael Chricop qal lil inewsmalta li l-Fondazzjoni taqbel mal-ftuħ tal-iskejjel u li fiċ-ċirkostanzi preżenti li ninsabu fihom minħabba żieda fil-każijiet tal-Covid-19, in-nanniet għandhom l-ewwel jieħdu ħsieb saħħithom biex imbagħad ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lin-neputijiet.

Chircop qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi, wieħed irid joqgħod attentat aktar u jirrispetta l-fatt li n-nanniet għandhom dritt iħarsu saħħithom. “M’għandniex inpoġġuhom fis-sitwazzjoni iebsa li jiċħdu li jieħdu lit-tfal meta n-nanniet qegħdin jibżgħu għal saħħithom. Hemm nanniet li qegħdin ikunu daharhom mal-ħajt u jkollhom jaċċettaw li jieħdu ħsieb it-tfal tat-tfal iżda issa li tkellmet il-Profs. Charmaine Gauci, din serħitilna rasna u neħħietilna minn fuq spallejna d-deċiżjoni li jkun aħjar li nevitaw kuntatt fit-tul mat-tfal minħabba saħħitna,” kompla Chircop.

Il-Fondazzjoni Nanniet Malta taqbel mad-dritt tal-ġenituri li jaħdmu t-tnejn, kif ukoll li l-ġenituri jkollhom il-libertà li jagħżlu jekk it-tfal tagħhom għandhomx jitgħallmu online. In-Nanniet huma tal-fehma wkoll li għal kull deċiżjoni li tittieħed, kulħadd irid ikun responsabbli għall-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni li tittieħed. 

“Kull mewt hija piena u għafsa ta’ qalb u ninsabu f’sitwazzjoni inkwetanti minħabba l-pandemija. Minħabba li t-tfal huma super spreaders, il-loġika hija li jittieħed inqas riskju. Naqbel li jinfetħu l-iskejjel għax barra li t-tfal jitgħallmu u joħorġu, jaqbillek tieħu ħsiebhom sagħtejn sakemm tiġi ommhom mix-xogħol, milli mis-7 ta’ filgħodu. Hemm inqas riskju li tiġi infettat milli fi tmien jew 10 sigħat. Imma mbagħad hemm ġenituri li ddeċidew li ma jibagħtux lit-tfal l-iskola u din se tispiċċa f’ħoġor in-nanniet,” sostna Chircop.

Kien huwa stess li talab li jiftħu l-iskejjel u dan biex it-tfal jitgħallmu u joħorġu mid-dar għax jiddejjqu ġewwa. Skont il-President tan-Nanniet, huwa tajjeb li n-nanniet ikollhom linji gwida mill-awtoritajiet tas-saħħa ċari biex ma titħalliex id-deċiżjoni fuq spallejhom jekk iżommuhomx jew le. Chircop qal li, “issa li tkellmet is-Superetendent tas-Saħħa Pubblika m’humiex in-nanniet li qegħdin iċaħħdu milli t-tfal imorru għandhom. Issa l-awtorità kkonfermat li iva, perikoluż li n-nanniet ikunu man-neputijiet speċjalment meta dawn ikunu ġejjin mill-iskola”.

Fl-istess ħin Chircop qal li hija storja differenti li n-nanniet jieħdu ħsieb lit-tfal wara l-iskola milli minn filgħodu kmieni x’ħin il-ġenituri tat-tfal jidħlu għax-xogħol. “Aħna ħsibna kif jistgħu jinstabu aktar soluzzjonijiet. Trid tkun l-awtorità li tiddeċiedi u tgħin lill-ġenituri permezz ta’ aktar teleworking, sigħat flessibbli jew imnaqqsin, jew inkella xogħol b’xifts. Anke l-inizjattiva tal-Klabb 3-16 hija tajba ħafna. M’inix ngħid li min jiddeċiedi li ma jibagħthomx l-iskola, għandu jsib is-soluzzjoni huwa. Hawn naraw kemm huwa importanti r-rwol tan-nanniet. Issa qisu nqala’ kjass għax in-nanniet ma jistgħux iżommu t-tfal u dan fuq kollox minħabba saħħithom, mhux b’kapriċċ,” kompla l-President tan-Nanniet Malta.

Chircop qal li l-Fondazzjoni għandha 2,000 ruħ u ta’ kuljum hemm nanniet iċemplu minħabba diffikultajiet li għandhom dwar din is-sitwazzjoni. “Hemm nanniet li qegħdin iħossuhom bejn ħaltejn għax lanqas iridu li wliedhom jitilfu x-xogħol tagħhom minħabba li m’għandhomx ma’ min iħallu lit-tfal. Jekk ma mmutux bil-Covid-19 se mmutu bil-piena għax aħna nħossu għat-tfal tagħna u għan-neputijiet. Din hija sitwazzjoni prekarja ħafna għan-nanniet u għalhekk issa li l-awtorità tkellmet, lilna taffitilna mir-responsabbiltà. Minkejja kollox, xorta se jkun hemm nanniet li se jgħidu iva għax iħobbu lil uliedhom mentri oħrajn jibżgħu u/jew ikunu “mhedda”, b’detriment għal saħħithom,” tenna dan il-President.

Huwa qal li din is-sitwazzjoni qiegħda tħalli wkoll impatt negattiv fuq is-saħħa mentali tan-nanniet għax barra li huma wkoll iddejqu ġewwa, dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet, qegħdin ikomplu jżidulhom l-istress. 

Chircop fakkar kif in-nanniet għamlu erba’ xhur imċaħħdin min-neputijiet u ħassew ħafna n-nuqqas tagħhom imma, “il-fatt li qiegħed ikun hawn ħafna każijiet ta’ Covid-19 u qegħdin imutu l-anzjani, ninsabu f’sitwazzjoni kerha ħafna u f’ċirku vizzjuż. In-nanniet għandhom qalbhom ratba u passjonali imma bl-età biss huma diġà kkalssifikati vulnerabbli u min għandu kundizzjoni oħra jidħol f’aktar periklu. Nemmen li hemm soluzzjonijiet u li m’għandniex naqtgħu qalbna”. 

Ekonomija

Sport