Tuesday, September 23, 2025

“Din il-liġi se ttini ċans biex ma nibqax niġi ttimbrata” – Dr Corinne Pace, Avukata li għelbet il-kanċer

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Il-liġi tar-right to be forgotten għal persuni li fiequ mill-kanċer ser tkun qiegħda tipprovdi li nies li fiequ mill-kanċer ma jibqgħux ittimbrati għal għomorhom, imma fl-aħħar jiġu rrikonoxxuti l-avvanzi mediċi li saru fil-kura tal-kanċer fl-aħħar diċennji, li wasslu biex persuni li fiequ jgħixu ħajja normali u twila. Din il-liġi ser tagħti ċ-ċans lili u oħrajn bħali li ma nibqgħux niġu ttimbrati għal dejjem wara li ġġilidna ġlieda bħal dik”.

Iddikjara dan l-Avukata Dr Corinne Pace, f’intervista ma’ dan il-ġurnal, fejn tkellmet dwar il-proposta leġiżlattiva li ressqet id-Deputata Laburista Amanda Spiteri Grech biex jinħoloq id-dritt li jintesa l-passat mediku għal dawk li fiequ mill-kanċer.  

Dr Pace spjegat kif wara li għaddiet mill-battalja tal-kanċer, kompliet tgħix ħajjitha b’mod normali, għall-bidu b’visti regolari. Saħqet li qatt ma ħassitha ttimbrata u dejjem kienet kburija li għaddiet minn din il-battalja b’suċċess u fieqet. 

Qalet li madanakollu kollox inbidel wara li marret għand kumpanija tal-assigurazzjoni biex tieħu polza tal-ħajja biex tixtri dar. Dan għaliex talbuha tħallas premium għoli ħabba li kellha kanċer snin qabel. 

Dr Pace żiedet tgħid; “Dik kienet l-ewwel darba li ħassejt xi ħadd qed jgħidli “int għadu m’għaddilekx, din għadha miegħek”. U ta’ kull sena meta jasal iż-żmien li nħallas il-premium, nerġa’ nħoss dik il-weġgħa”.

Corinne saħqet li hija ma jiddispjaċihiex għall-flus, imma għall-fatt li hi taf li għaddielha, li qed tieħu ħsieb saħħitha u tagħmel eżerċizzju ta’ spiss, iżda l-kumpaniji tal-assigurazzjoni xorta jibqgħu jinsistu li għad għandha riskju. 

Dwar saħħitha, Dr Pace tgħid li llum għaddew kważi 20 sena mill-kanċer u l-onkoloġist kien qalilha li wara ħames snin ir-riskju tagħha jiġi daqs il-baseline ta’ min qatt ma kellu kanċer. 

Qalet ukoll kif; “il-kelma kanċer tbeżża’ lin-nies, iżda llum m’għadhiex sentenza tal-mewt bis-saħħa tal-avvanzi mediċi. Jiena meta kelli 12-il sena u kont qiegħda niġġieled din il-marda kienu jiġu żgħażagħ li fiequ fil-ward u jagħmlulna kuraġġ, jgħidulna jien gradwajt, jien iżżewwiġt, jien ilħaqt il-miri tiegħi u jiena komplejt b’ħajti normali”.

Temmet billi qalet li tixtieq tagħmel il-kuraġġ lil kull min hu għaddej minn din l-esperjenza u turihom li verament se jkollhom l-opportunità jitfgħu din l-esperjenza warajhom darba għal dejjem mingħajr ħadd ma jittrattahom fuq dak li jkunu għaddew minnu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport