Friday, March 27, 2026

“Din il-proposta mhux tal-Partit Nazzjonalista jew ta’ Alex Borg”– Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-proposta dwar it-tnaqqis tar-rata tal-VAT fuq ir-ristoranti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li l-proposta dwar it-tnaqqis tar-rata tal-VAT fuq ir-ristoranti hi proposta li kienet ressqet l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) u mhux tal-Partit Nazzjonalista jew tal-Kap tal-PN Alex Borg.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu minn L-Orizzont, il-Prim Ministru
ċċara li din hi proposta tal-ACE u ilha tiġi diskussa mal-Gvern għal xhur sostanzjali. Huwa stqarr li trid tħares lejn din il-kwistjoni b’mod
ħolistiku.

“Nitlaq mill-punt li fundamentali li l-operaturi tar-ristoranti f’pajjiżna jagħmlu l-immaniġġjar tan-negozji tagħhom b’mod onest. Huma persuni tal-affari tagħhom li qed iwettqu attività kummerċjali li biha jaqilgħu l-għajxien tal-familja tagħhom.”

Dr Abela rrikonoxxa wkoll li dawn l-operaturi għandhom l-isfidi tagħhom
bħalma huma l-kirjiet li jkollhom iħallsu. Huwa semma kif waqt il-pandemija
dan il-Gvern intervjena biex jassisti lil dan is-settur u fuq kollox iggarantielhom il-ħolqien tax-xogħol.

Il-Prim Ministru tenna li se jibqgħu għaddejjin bid-diskussjonijiet mal-ACE, li qal li jieħdu fit-tul minħabba ċertu punti li ressaq dan is-settur fosthom li jkun hemm kollegament dirett bejn il-cash registers u d-Dipartiment tat-Taxxa, li hi xi ħaġa li qed jistudjaw dwarha.

“Il-miżura li biha se nkomplu ngħinu lill-operaturi tar-ristoranti għadna qegħdin nitħaddtu fiha. Kull settur jaf li aħna se nibqgħu hemm u dawn mhumiex inizjattivi li inti taqbadhom bil-populiżmu sfrenat għax imbagħad iqumu aktar domandi milli tweġibiet,” qal il-PM.

“Kommessi li nibqgħu ngħinu lil kull stabbiliment kummerċjali f’pajjiżna biex
jibqa’ jkollhom il-garanzija tas-serħan il-moħħ.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport