Saturday, December 14, 2024

Din ir-rebħa se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja – Johann Scicluna (kowċ ta’ Valletta U/19)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

It-tim żagħżugħ ta’ Valletta FC kitbu l-istorja tal-futbol Malti hekk kif għaddew għal rawnd ieħor tal-UEFA Youth League wara li għelbu lil Honka Espoo tal-Finlandja bl-għoti tal-penalties.

Fl-ewwel leg li ntlagħab fil-Finlandja, il-Beltin tilfu 1-0 u fil-logħba li ntlagħbet fic-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, huma dawru l-iskor għal 3-2 sabiex bl-għoti tal-penalties kien it-tim mill-kapitali li rebaħ.

Sadanittant fil-logħba li ntlagħbet f’Malta, kienu l-Finlandiżi li fetħu l-iskor fl-24 minuta. Elliot Backman ixxuttja l-ballun li b’devjazzjoni spiċċa fix-xibka.

Fit-tieni taqsima, Valletta ġabu l-iskor indaqs meta Keyom Ewurum kellu xutt li ħabat ma’ Erik Davidyan. Sadanittant, Davidyan patta għall-iżball tal-awtogowl għax fit-80 minuta għamel l-iskor 2-1 favur Honka.

Il-Beltin kisbu l-gowl tad-draw meta Ohaka Jr għamilhom 2-2 minuta wara. Sabiex eventwalment Jake Azzopardi skorja l-gowl li għamel l-aggregate 3-3 fl-ewwel minuta tal-ħin mogħti żejjed.

Kien fl-għoti tal-penalties li l-Beltin spikkaw fejn Keyon Ewurum, Liam Buhagiar u Claude Mercieca skorjaw il-gowls tagħhom. Apparti minn hekk, spikka il-goalkeeper Belti Liam Frendo li laqa’ xejn inqas minn tliet penalties.

Wara din ir-rebħa prestiġġjuża, din il-gazzetta tkellmet mal-kowċ taż-żgħażagħ ta’ Valletta Johan Scicluna li deher ferm kuntent wara din il-bravura li għamlu l-plejers tiegħu.

“Bla dubju li din ir-rebħa se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja. Kienet rebħa kbira u kollettiva u kuntent għal dawn il-plejers li taw qalbhom u baqgħu jemmnu sal-aħħar.”

“Ilbieraħ ħareġ il-karattru tal-plejers li kontra kollox u kulħadd baqgħu jissieltu għal kull ballun. Biddilna xi affarijiet tattiċi u apparti l-qalb tal-plejers, lagħbet ukoll il-fortuna li kienet għandna.”

Scicluna faħħar lill-goalkeeper Liam Frendo li tant kien deċiżiv fl-għoti tal-penalties u kien ta’ ispirazzjoni sabiex il-plejers l-oħra jiskorjaw ix-xuttijiet mill-11-il metru li taw.

Hu tkellem dwar kif is-sistema li addotta ħadmet tajjeb speċjalment fit-tieni taqsima meta Honka bdew jinqabdu minn kontrattakki veloċi u hawn fejn sabu wkoll il-gowls.

“Konna avventurużi u bejni u bejn ruħi bdejt ngħid li ma konna se nitilfu xejn u għalhekk bdejt noħloq iktar pressjoni lill-Finlandiżi, tattika li rnexxiet.

Issa Valletta jilagħbu kontra l-Franċiżi ta’ Auxerre fit-23 t’Ottubru fejn jibdew l-ewwel leg barra minn darhom.

“F’dan il-mument se nibqgħu saqajna mal-art u ma tikbrilniex rasna. Se nagħmlu li nistgħu biex naqtgħu figura tajba u fl-istess waqt inkomplu niktbu l-istorja tal-futbol Malti”

Ekonomija

Sport