“Sakemm inkunu mdawrin b’nies li nħobbu u li jħobbuna lura, nistgħu niċċelebraw. Din is-sena kienet waħda trawmatika għalina, però nħossuna ffortunati li rnexxielna niġġieldu kontra dal-perjodu tant diffiċli. Meta bdiet il-gwerra ħassejtni mbeżżgħa u irrabjata, iżda issa nħossni ottimista għas-sena 2023” – Veronika Skliarova.
Veronika hija Ukrena ta’ 34 sena, li fl-24 ta’ Frar li għadda, għall-ħabta tas-6:00 a.m., bdiet il-ġurnata tagħha bil-ħsejjes tal-isplużjonijiet.
F’intervista mal-midja Ingliża Metro, hija tirrakkonta li dakinhar kienet tinsab waqt vaganza mal-familja tagħha — il-partner (Sasha), u wliedha subien li kellha minn relazzjoni oħra (Sasha ta’ tmien snin u Danya ta’ ħames snin). Huma qabdu r-rotta minn Kharkiv u rħewlha lejn Skhidnytsya sabiex iqattgħu ftit jiem flimkien igawdu lil xulxin.
Veronika tgħid li hija kienet konxja mill-fatt li r-Russi heddu li jattakkaw l-Ukrajna, però hija assumiet — l-istess bħalma ħasbet id-dinja kollha — li dan ma kienx se jseħħ għaliex Putin kien ilu s-snin jgħid li se jagħmel dan.
L-24 ta’ Frar hija d-data li biddlitiha ħajjitha għal dejjem, tgħid Veronika, kif ġara lil bosta Ukreni oħra. Fix-xhur li għaddew hija fittxet refuġju għaliha u għal uliedha f’pajjiżi Ewropej. Għall-ewwel qattgħu ftit ġimgħat ir-Repubblika Ċeka, imbagħad marru l-Ġermanja għal tliet xhur sħaħ. Qattgħu xahrejn oħra Franza u xahrejn il-Kroazja.
Veronika tkompli tgħid li matul l-invażjoni, hija baqgħet issegwi l-iżviluppi tal-gwerra mill-qrib sakemm f’Settembru li għadda ħasset li setgħet tirritorna lura l-Ukrajna għaliex “Kien hemm xhur kontinwi mingħajr ibbumbardjar u għalhekk ħassejt li din kienet deċiżjoni f’waqtha,” tistqarr Veronika.
Hija reġgħet ingħaqdet mal-partner tagħha, Sasha, u flimkien ma’ wliedha bdew jgħixu fi Lviv.
“Għalkemm għexna mumenti ‘suwed’, kellna mumenti ta’ ferħ ukoll,” issostni Veronika; Sasha ppronona lil Veronika biex jiżżewġu u qed jippjanaw li jagħmlu dan matul is-sena li ġejja.