Sunday, December 22, 2024

Din is-sena sa issa kien hemm madwar 11,000 mara li għamlu l-iscreening tas-sider

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Huwa fatt li aktar ma wieħed jieħu ħsieb saħtu, aktar iżid il-possibbiltà ta’ ħajja serena u twila. It-tobba jisħqu u bir-raġun, fl-importanza tal-prevenzjoni tal-mard u dan billi wieħed imur għal viżti regolari u aktar importanti minnhekk, meta jkun hemm suspett li xi ħaġa mhiex f’postha, wieħed jirrikorri immedjatament għand tabib.


Fost il-programmi ta’ prevenzjoni ta’ importanza għal saħħet in-nisa, hemm dak tal-iscreening tas-sider fejn il-Gvern ta’ kull sena jibgħat inviti biex isiru t-testijiet meħtieġa bil-għan ta’ kura bikrija f’każ ta’ bżonn. Dawk li jirċievu l-invit mill-Istat u jmorru għall-iscreening tas-sider, jingħataw dan is-servizz bla ħlas.

2010 kien hemm inqas min-nofs tal-ammont ta’ din is-sena

Grazzi għal dan il-programm, mill-bidu ta’ din is-sena sax-xahar ta’ Ottubru, 11,448 mara aċċettaw din l-istedina u għamlu t-testijiet tal-breastscreening. Dan juri li maż-żmien l-għarfien u s-servizz żdiedu.

Fil-fatt, minn informazzjoni li ta d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, meta wieħed iqabbel kemm kien hemm nisa li attendew għal dan l-iscreening lura fl-2010, dan l-ammont kien biss ta’ 5,690, inqas min-nofs tal-ammont li diġà kellna f’din is-sena.

Mit-tabella li l-Ministru Fearne ppreżenta b’risposta għal mistoqsijiet fir-rigward mid-deputata tal-PN, Claudette Buttigieg, naraw kif l-attendenza għal dan l-iscreening tul is-snin baqa’ jiżdied għajr għas-sena 2020 li kienet imxekkla mill-pandemija tal-Covid-19. L-attendenza f’din is-sena partikolari kien ta’ 7,287.

Aktar fid-dettal, fis-sena 2013 l-ammont ta’ nisa li marru jagħmlu dan it-test tas-sider li jiċċekkja għal possibbiltà ta’ kanċer, baqa’ dejjem jiżdied. Fl-2013 l-ammont kien ta’ 7,169 biex beda tiela’ b’9,072 fl-2014 u mbagħad 11,524 fl-2015.

Qabża sostanzjali fl-2017

Fl-2016 l-ammont jirriżulta li niżel għal 9,224 biex imbagħad kien hemm qabża sostanzjali s-sena ta’ wara bi 13,190 mara li kienu aċċettaw l-invit tal-iscreening. Fis-snin ta’ wara l-attendenza kienet hekk: fl-2018 – 13,772; fl-2019 – 13,293; fl-2021 attendew 12,702 mara u s-sena l-oħra marru għat-test 11,645 oħra.

Din ix-xejra pożittiva ta’ kura preventiva mistennija tkompli tiżdied aktar ma jgħaddi ż-żmien hekk kif barra li l-gvern qiegħed dejjem ikompli jsaħħaħ u jespandi s-servizzi tas-saħħa tiegħu, maż-żmien aktar nisa qegħdin jifhmu l-importanza tal-kura bikrija u jaċċettaw l-invit.

F’informazzjoni oħra, il-Ministru Fearne qal ukoll li bħalissa qegħdin jintbagħtu appuntamenti lin-nisa li twieldu fl-1972 u fl-1973. Barra minnhekk, jirriżulta li għad fadal 2,682 persuna li twieldet fl-1972 u 4,001 li twieldet fl-1973.
Sadanittant, nistiednu lil kull min jirċievi dan l-invit biex jattendi għall-aħjar tas-saħħa tiegħu.

Ekonomija

Sport