Saturday, May 4, 2024

Rivoluzzjoni kbira fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari

Aqra wkoll

“Fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari għamilna rivoluzzjoni kbira. Dan għaliex ħadna numru ta’ deċiżjonijiet illi wasslu li pajjiżna jkollu politika ta’ immigrazzjoni irregolari li tkun aktar ġusta. Ġusta ma’ min ħaqqu però ġusta wkoll ma’ min ma ħaqqux.

“Min ħaqqu l-protezzjoni, hemm raġuni għal dan u rridu nagħtuh l-għajnuna kollha possibbli. Dawk iżda li ma ħaqqhomx dritt għall-ażil, m’għandniex tolleranza. Waqqafna ‘Returns Unit’ fi ħdan il-Ministeru tal-Intern li tiffoka fuq ir-ritorn tal-persuni.

“Din is-sena kollox juri li se tkun sena rekord ta’ persentaġġ ta’ kemm persuni, meta kkumparat mal-wasliet li kellna li huma baxxi ħafna, ġew mibgħuta lura fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom għax daħlu f’pajjiżna irregolarment u ma kinux intitolati għall-ażil.”

Qal dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2024 għall-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli.

Huwa qal li r-riżultati li qed jinkisbu f’dan il-qasam huwa dovut għall-ħidma ta’ diversi entitajiet fosthom l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali, is-Servizzi ta’ Detenzjoni u l-AWAS.

“Filwaqt li ffokajna ħafna fuq ir-ritorn, rajna li l-post ikun aktar dinjituż u fl-aħħar mill-aħħar dawn id-deċiżjonijiet wasslu sabiex l-ammont ta’ wasliet irregolari f’pajjiżna jonqsu b’mod drastiku,” qal il-Ministru Camilleri.

Intant, il-Ministru Camilleri semma kif il-budget għas-sena d-dieħla se jkun qed isaħħaħ is-sigurtà ta’ pajjiża u fil-qalba tal-komunitajiet. “Iżjed minn €25 miljun għal proġetti kapitali fis-sigurtà. Investiment akbar fil-ħaddiema fis-setturi tas-sigurtà. Tisħiħ ta’ drittijiet u kundizzjonijiet. Titjib fil-pensjoni tas-servizz. Taħriġ kontinwu lill-ħaddiema.”

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar is-sistemi korrettivi li jaħdmu għal rijabilitazzjoni mibnija fuq l-ordni u rrefera għall-ftuħ ta’ halfway houses ġodda u t-tħaddim tal-moniteraġġ elettroniku fost oħrajn.

“Gvern li se jibqa’ jaħdem biex ħadd ma jaqa’ lura” – is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li dan huwa Gvern li kien, għadu u jibqa’ wieħed li jaħdem sabiex ħadd ma jaqa lura. Dwar il-miżuri tal-Budget, hija semmiet kif il-prodotti tal-mestruazzjoni se jibdew jitqassmu fl-iskejjel bħala proġett pilota sabiex tintemm darba għal dejjem l-istigma.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet ukoll li fl-2024, il-Gvern se jinvesti ‘l fuq minn €3 miljun f’ħidma favur l-ugwaljanza fosthom l-implimentazzjoni tat-tielet strateġija kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika. Dan filwaqt li jkomplu jissaħħu riformi kbar fosthom dik tal-użu responsabbli tal-kannabis u t-tisħiħ fil-politika ta’ integrazzjoni f’pajjiżna.

Sport