Saturday, December 28, 2024

“Din it-tifla nqisha daqslikieku kienet binti” 

Aqra wkoll

It-tarbija li twieldet taħt it-tifrik fis-Sirja tagħlaq sitt xhur… tinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa u tħobb liz-zijiet li adottawha

It-tarbija li twieldet taħt it-tifrik tad-dar tal-familja tagħha wara t-terremot li laqat lit-Turkija u lis-Sirja sitt xhur ilu tinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa, tħobb liz-zijiet li adottawha u anke titbissem. 

It-tarbija, li ngħatat l-isema ta’ Afraa, baqgħet ħajja wara 10 sigħat taħt it-terrapien. Sfortunatament, it-terremot tas-6 ta’ Frar ħalla lill-ġenituri u l-erba’ aħwa tagħha mejtin qalb it-tifrik fil-belt ta’ Jinderis, fit-Tramuntana tas-Sirja. Meta nstabet, it-tarbija kienet għadha bil-kurdun imwaħħal ma’ ommha. 

L-istorja tagħha serqet il-qlub ta’ ħafna nies madwar id-dinja kollha fejn bosta kienu dawk li offrew li jadottawha. Wara li għamlet xi jiem rikoverata fl-isptar fis-Sirja, Afraa ġiet rilaxxata u ngħatat lil zitha u r-raġel tagħha, li adottawha u qed irabbuha flimkien mal-ħamest ibniet u ż-żewġ subien tagħhom. 

Khalil al-Sawadi, il-missier adottiv tagħha, qal li Afraa ngħatat lilhom wara li test tad-DNA kkonkluda li t-tifla u z-zija tagħha kienu bijoloġikament relatati. Matul il-jum tas-Sibt, iċ-ċkejkna Afraa dehret tieħu pjaċir tilgħab ma’ al-Sawadi u titbandal fid-dar tagħhom. 

“Din it-tifla nqisha daqslikieku kienet binti,” qal al-Sawadi f’kummenti li għaddiet lill-midja internazzjonali. Huwa qal li rċieva diversi offerti biex imorru jgħixu barra mill-pajjiż, iżda qal li rrifjuta għaliex irid jibqa’ s-Sirja, il-pajjiż fejn għexu u mietu l-ġenituri ta’ Afraa.

“Ninsabu kuntenti ħafna biha għax tfakkarna fil-ġenituri u l-aħwa tagħha. Tixbaħ ħafna lil missierha u lil oħtha Nawara,” tenna al-Sawadi. 

Ekonomija

Sport