Saturday, December 21, 2024

“Din kienet sena oħra ddominata mill-pandemija”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Rajt li ninforma, nagħti vuċi, neduka u nżommkom aġġornati… 

Is-sena 2021 għall-mezzi tax-xandir kollha kienu għal darb’oħra ddominati minn dak li qiegħed jiġri kemm lokalment, kif ukoll globalment, rigward il-Covid-19. Il-virus li qatel miljuni ta’ nies iddistabilizza wkoll l-ekonomiji u nessiena l-ħajja normali li kellna qabel faqqgħet din il-pandemija. Bħala ġurnalista rrapportajt diversi affarijiet kurrenti iżda iffokajt l-aktar fuq stejjer umani, analiżijiet internazzjonali, intervisti u sensieliet speċjali. 

Din is-sena rrapportajt investimenti mill-Gvern, sitwazzjonijiet fl-iskejjel, ftuħ ta’ bereġ u sevizzi tas-saħħa oħra, diskorsi mill-mexxejja politiċi, każijiet u ġurijiet fil-Qorti, ir-rwol tan-nisa fil-parlament, l-ambjent, il-ġbir tal-iskart u l-bylaw kontra x-xorb fit-toroq taż-żoni ta’ Buġibba; id-drittijiet tat-tfal, il-każijiet ta’ ħtif illegali mill-pajjiż, kwistjonijiet marbuta mal-edukazzjoni f’pajjiżna bl-opinjoni tal-unjins tal-edukaturi wkoll u inċidenti fit-toroq, kif ukoll oħrajn fuq il-post tax-xogħol li minnhom sfortunatament, kienu fatali.

Dan il-ġurnal kien l-unika wieħed li għamel sensiela speċjali intitolata “Wiċċ il-Pandemija”. Hawnhekk iltqajt ma’ ħafna frontliners li permezz ta’ ritratti profil qasmu magħna l-esperjenza tagħhom tal-pandemija kif ukoll wasslu messaġġ lill-bqija tal-poplu. Din is-sensiela inkludiet diversi ħaddiema minn setturi differenti fosthom infermiera, tobba, pumpieri, suldati, pulizija, għalliema u ġurnalisti.

Fl-2021, b’responsabbiltà missejt ukoll diversi suġġetti importanti bil-għan li nqajmu kuxjenza dwarhom u idealment tittieħed azzjoni konkreta fir-rigward. Fost stejjer li għamilt kien hemm dawk dwar is-suwiċidju, il-vjolenza domestika, l-anzjani, is-solitudni, is-separazzjonijiet, it-tfal, il-problema tad-droga, il-ħarsien tal-annimali, il-faqar u problemi soċjali oħra, il-prostituzzjoni, il-ġustizzja soċjali, in-nisa fid-dinja tax-xogħol vis a vis opportunitajiet ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol u anke dwar abbuż sesswali. 

Fost suġġetti kontroversjali din is-sena ddominaw it-temi tal-kannabis u tal-abort. Kull suġġett kien informattiv li miegħu ngħaqdu intervisti, esperjenzi personali, opinjoni minn esperti fil-qasam, kif ukoll statistiċi.

Min-naħa ta’ edukazzjoni lill-qarrejja wassalnielhom tagħrif dwar problemi ta’ saħħa mentali flimkien mal-psikjatra Mark Xuereb, mill-Crisis Resolution Malta; investigajna serq ta’ flus online (love scams); iddedikajna x-xahar ta’ Ottubru lill-mard tal-kanċer b’attenzjoni speċjali għal każijiet fejn jolqtu lit-tfal; u sensiela oħra li kienet immirati għall-edukazzjoni sesswali.  

Aqra iktar:

Ekonomija

Sport