Friday, May 3, 2024

L-aktar analiżijiet internazzjonali interessanti matul l-2021

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-analiżijiet internazzjonali ta’ kull ġimgħa fost suġġetti oħra, il-Coronavirus kien l-aktar tema dominanti fejn wassalna bdil fil-miżuri f’diversi pajjiżi, aħbarijiet dwar varjanti ġodda bħad-Delta u l-Omicron, sitwazzjonijiet kritiċi f’diversi pajjiżi, il-programmi nazzjonali ta’ tilqim fuq skala internazzjonali, esperjenzi ta’ nies li mardu bil-Coronavirus u oħrajn li tilfu xi għeżież kaġunt tiegħu. 

* Il-Covid-19 mill-bidu ta’ din is-sena wassal biex jgħaqqad fuq mejda tad-diskussjoni lill-mexxejja Ewropej biex flimkien jaraw ir-ritmu li bih qiegħed isir it-tilqim fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Pajjiżna rriżulta minn ta’ quddiemnett tant li għandna sal-lum b’waħda mill-għola rati ta’ tilqim fid-dinja. Il-Kummissjoni Ewropea kienet talbet lill-pajjiżi membri biex ilaqqmu 70% tal-adulti sas-sajf li għadda. 

* F’dan il-perjodu, l-akbar problema li rajna kienet dik tal-iżbilanċ fil-provvista tat-tilqim kontra l-Coronavirus. Il-pajjiżi l-fqar baqgħu bla tilqim għaċ-ċittadini tagħhom minħabba nuqqas ta’ flus u anke għall-fatt li l-provvisti kollha inħatfu mill-pajjiżi kbar u żviluppati. Dawn ta’ l-aħħar kien hemm minnhom li xtraw mhux biss biex ilaqqmu liċ-ċittadini kollha għal darbtejn, iżda ferm aktar.

* Din is-sena rrapportajna wkoll li minkejja li n-nies tlaqqmu għal darba, darbtejn, minħabba l-varjanti Delta u issa l-Omicron, l-awtoritajiet tas-saħħa inkluża d-WHO ħeġġu lill-pubbliku biex jibqa’ jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni – l-ilbies ta’ maskri, distanza soċjali u ħasil tal-idejn. Minn xahar ilu ‘l hawn għadd ta’ pajjiżi kellhom jerġgħu jżidu r-restrizzjonijiet tagħhom minħabba l-varjant il-ġdid Omicron u dan b’mod speċjali fir-Renju Unit wara żieda esaġerata ta’ infezzjonijiet ġodda.

* It-tilqima Russa “Sputnik V” fl-2021 kisbet aktar fiduċja tant li diversi pajjiż bdew jixtruha u jagħtuha liċ-ċittadini tagħhom. 

* Ħafna persuni baqgħu jistaqsu meta se tispiċċa din il-pandemija globali. Għaldaqstant ħassejt il-ħtieġa ta’ analiżi fir-rigward li tgħid li, “ir-risposta tinsab fl-istorja tal-pandemiji preċedenti fosthom dik tal-influwenza 100 sena ilu”. 

* Din is-sena komplejna nsegwu lill-kumpaniji farmaċewtiċi l-kbar li pproduċew it-tilqim kontra l-Covid-19 b’mod speċjali dawk li qegħdin jingħataw f’Malta, jiġifieri l-Pfizer, AstraZeneca u Moderna. Dan b’mod partikolari l-produzzjoni, xi xi kumplikazzjonijiet irrapportati fosthom, dik tal-blood clots u nefħa fil-muskoli tal-qalb. 

* Barra minnhekk ma setax jonqos li nirrapportaw u naraw għaliex eluf ta’ persuni għażlu li jipprotestaw kontra t-teħid tat-tilqima. 

* Analiżi interessanti oħra kienet dik li fiha tajna ħarsa lejn il-flejjes kbar ta’ biljuni ta’ Ewro fi qligħ li ġew ġġenerati mill-bejgħ tat-tilqim ta’ kontra l-Covid-19.

* Sadanittant, minkejja li għaddew sentejn minn mindu l-Coronovirus oriġina fiċ-Ċina u nfirex globalment, rajna kif ix-xjenzati għadhom ma kkonfermawx l-oriġini tiegħu. Għadu mhux uffiċjali dan jekk il-virus bediex f’suq tal-ikel jew inkella f’laboratorju f’Wuhan. Minkejja li diversi pajjiżi u gvernijiet talbu informazzjoni mill-awtoritajiet Ċiniż, għad hemm ħafna x’wieħed jiskopri. Minkejja li grupp ta’ esperti barranin u rappreżentanti tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) marru fiċ-Ċina biex jinvestigaw, fir-rapport tagħhom baqgħu ma tawx risposta definittiva dwar minn fejn beda l-Covid-19.

* L-impatt tal-pandemija globali baqa’ jkun ta’ pressjoni kbira fuq is-sistemi tas-saħħa kollha, kif ukoll fuq l-ekonomiji fejn it-turiżmu huwa wieħed mill-aktar setturi milquta ħażin ħafna mill-firxa ta’ dan il-virus qattiel. Dwar dan wassalna tagħrif estensiv ukoll.

* Analiżi interessanti kienet dik dwar kif din il-pandemija wasslet għal biża’ “reliġjuża” tant li ħafna rrifjutaw it-tilqima għax jemmnu li hija l-“marka tal-bestja” dik imsemmija fil-Bibbja. Kien għalhekk li tajna ħarsa lejn is-sitwazzjoni, spjegana x’inhija l-marka magħrufa “666” u wassalna anke messaġġ minn reliġjuż li min-naħa tiegħu jassigura lil kull Kattoliku li ‘mhux se titlef ruħek jekk titlaqqam’. 

* L-aħħar analiżijiet dwar il-Covid-19 ikkonċentraw fuq il-varjant il-ġdid Omicron li beda mill-Afrika t’Isfel u nfirex f’diversi pajjiżi inklużi f’uħud Ewropej. L-Omicron wassal għal għeluq ta’ konfini għax beda jinfirex malajr ħafna tant li fl-Ewropa “għandna theddida ġdida”. 

Barra minnhekk, dan il-varjant il-ġdid qiegħed iwassal għal lockdowns u miżuri stretti proprju fil-perjodu festiv tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena bil-konsegwenza li għat-tieni sena konsekuttiva, il-popli madwar id-dinja qegħdin iħossu li l-pandemija qiegħda tħassrilhom dawn il-festi tant mistennija. 

Is-suġġetti jvarjaw ħafna… Storja, gwerer, reliġjonijiet, persunaġġi u mard

Fost sitwazzjonijiet internazzjonali wassalna tagħrif dwar l-attakk fuq il-Kungress Amerikan; attakki fuq id-Dark Web; l-eluf ta’ mwiet fuq is-siti tal-kostruzzjoni fil-Qatar għat-Tazza tad-Dinja 2022; analiżi dwar imwiet fost persunaġġi famużi fl-età “misħuta” ta’ 27 sena; analiżi dwar dokumentarju ġdid – “Final Account” – dwar it-“tfal ta’ Hitler” li jirrakkonta atti kriminali kontra l-umanità; il-martri Rosario Livatino – l-imħallef li ġie bbeatifikat wara li tilef ħajtu għall-ġustizzja; il-mewt tal-Prinċep Filip tar-Renju Unit u segwit minn analiżi oħra dwar se x’jiġri la tmut martu r-Reġina Eliżabetta; l-abbużi sesswali minn membri tal-Knisja fil-Ġermanja; l-irtirar tat-truppi Amerikani mill-Afganistan u l-ħatfa lura tal-poter tat-Talibani; l-edizzjoni speċjali tal-attakki terroristiċi fuq l-Amerika fl-20 anniversarju; il-Premju Nobel għall-Paċi li wara ħafna snin ta l-unuri lil żewġ ġurnalisti – Maria Ressa u Dmitry Muratov; il-każ tal-whistleblower tal-kumpanija ġganteska Facebook; il-problema tal-HIV fit-trabi fil-pajjiżi fqar; kif ukoll suġġetti oħra li jmissu ma’ teknoloġija, reliġjon u sataniżmu, mediċina, innovazzjoni, qtil u midja soċjali.

F’sensiela ta’ artikli oħra, ukoll taħt il-kappa ta’ analiżi internazzjonali, hija dik li bdejt f’dawn l-aħħar ġimgħat dwar l-iskandlu ta’ abbużi sesswali minn qassisin fid-djoċesi ta’ Nebraska, l-Istati Uniti. F’din qbadna niflu u nippubbblikaw ir-rapport ta’ mijiet ta’ paġni li fih id-dettalji kollha tal-każijiet li fihom hemm involuti 57 uffiċjali tal-Knisja Kattolika b’xejn inqas minn 258 vittmi. 

F’dawn il-pubblikazzjonijiet qegħdin naqbdu każijiet individwali ta’ qassisin li sfaċċatament abbużaw minn ħafna tfal u adoloxxenti li konsegwenza ta’ dan l-aġir illegali, il-vittmi baqgħu ibatu minn problemi kbar f’ħajjithom. 

L-abbuż li kien ilu mistur għal snin twal minn din id-djoċesi żamm fl-għama lill-awtoritajiet, kif ukoll lill-pubbliku, imma issa dan l-iskandlu kbir ħareġ fil-miftuħ. Naraw kemm membri tal-Knisja Kattolika wżaw il-pożizzjoni tagħhom biex ikunu predaturi fuq tfal li l-maġġorparti tagħhom kienu subien. 

Uħud mill-vittmi jirrakkontaw it-tbatija li għaddew minnha u agħar minnhekk kien hemm mmin tant ma setax joħroġ mit-trawma li għażel li jtemm ħajtu b’idejh. Qassis ieħor, irrapportat f’analiżi riċenti, tant waqa’ fil-baxx li kien lest li jħallas il-flus biex jinqatel wieħed mis-subien li abbuża minnu. Dan bil-għan li jsikktu… iżda, ma rnexxielux!

Sport