Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela tkellem dwar is-sitwazzjoni tad-dar tal-anzjani ta’ Bormla. Huwa beda biex qal li din id-dar hi waħda mid-djar tal-Gvern fejn is-servizzi jiġu provduti mill-kuntrattur.
Meta kien qed iwieġeb lid-Deputat Laburista Alex Muscat, huwa spjega li fil-manifest elettorali tal-PL hemm imniżżel bl-aktar mod ċar li d-djar kollha tal-Gvern kellhom jiġu rinovati. “Nifhmu li jekk hemm dar li mhix sura, aħna rridu nġibuha sura,” qal il-Ministru Abela.
“Għalina ċ-ċittadini huma kollha l-istess. U ċ-ċittadini s-sena l-oħra taw mandat b’saħħtu lil dan il-Gvern. Ma nistax nifhem għaliex kellha tinqala’ kruċjata fuq din id-dar ta’ Bormla. Din kruċjata li l-pajjiż ma kellux bżonnha. Din mhix l-ewwel darba li ġiet rinovata dar,” kompla jgħid il-Ministru tal-Anzjanità Attiva.
“Din is-sena qed nirrinovaw id-dar tal-Floriana. Bdejna mill-pedament u bħalissa qegħdin fl-ewwel sular imma n-nies ta’ din id-dar meta qed nirranġaw is-sular tagħhom kellhom jiġu rilokati. L-Imsida mhux ukoll? Id-dar waqgħet u qegħdin fil-proċess biex nerġgħu nibnu dar oħra.”
Huwa tenna li l-istess ġara għad-dar tal-anzjani ta’ Bormla, fejn ittieħdet deċiżjoni politika li tinbena mill-ġdid d-dar ta’ Bormla. Dwar il-konkrit f’din id-dar, huwa ppreżenta rapport li juri li l-konkrit mhux tal-livell li suppost ikun fi struttura bħal din.
Huwa reġa’ tenna li din hija kruċjata inkonsistenti li ġejja minn xi esponenti tal-Oppożizzjoni. “Filli qed nitkellmu għaliex se nwaqqgħu d-dar u issa qed nitkellmu għaliex ma waqqajnihiex qabel. Ma nistax nifhem.”
“Għandna struttura li hi dubjuża. Jekk hemm dubju, se nibqa’ għaddej bid-dubju u nistenna xi traġedja tiġri?,” kompla l-Ministru Abela. “Għandna wkoll rapport fuq l-electricals u l-mechanicals, li jitkellem fuq strutturi li m’għadhomx tajbin.”
Sadanittant, id-Deputat Laburista Randolph Debattista stqarr li kienu kellmuh qraba ta’ persuni li se jkunu rilokati mid-dar ta’ Bormla u qalulhom li minflok 60% tal-pensjoni, lil dawn l-individwi se jeħdulhom 80% filwaqt li se jnaqqsulhom xi ikel. Huwa staqsa jekk jistax il-Ministru Abela jserraħ ras dawn il-qraba kif ukoll lir-residenti li mhux se jkun hemm tnaqqis fis-servizzi tagħhom.
Il-Ministru Abela kkonferma li l-customer care unit tal-Ministeru rċieva lmenti ta’ din ix-xorta iżda saħaq li l-allegazzjoni li se tkun qed tittiħdilhom aktar pensjoni hija gidba faħxija u anke “ta’ diżunur għal pajjiżna li hawn nies kapaċi jigdbu hekk lil min hu vulnerabbli.”
Qal ukoll li: “gidba oħra hi li qalulhom li mhux se jagħtuhom aktar ħrieqi. Qalulhom li d-dar ta’ Bormla se tinbidel f’boutique hotel u li issa flok 3 ikliet fil-ġurnata, fejn se jmorru se jkollhom waħda biss. Jiena nixtieq u nispera li l-ebda politiku minn ġo din il-Kamra ma kellu l-kuraġġ li jkun involut f’aġir daqshekk miskin.”