Fl-aħħar jiem, tista’ tgħid il-medja Ewropea kollha ffokat fuq kwistjoni waħda – dwar kif fl-aħħar mill-aħħar, minkejja l-qawwa ekonomika tagħha, l-Ewropa tinsab dipendenti bil-kbir, mill-Istati Uniti. Għas-sigurtà, għall-kumnikazzjoni – mhux l-anqas bl-internet, għat-teknoloġija, għall-kummerċ…
Sal-lum, kollox intrabat maċ-ċertezza li l-Istati Uniti se jibqgħu l-alleat dejjiemi tal-Ewropa. Kważi l-ebda attenzjoni ma ngħatat lejn x’jista’ jiġri jekk l-Istati Uniti jinġibdu lura jew jitolbu ħlas mhux xieraq bi tpattija tar-rwol tagħhom. L-aħħar wieħed li nsista fuq dil-ħaġa bil-qawwa kien il-President Franċiż Charles de Gaulle ta’ Franza, aktar minn sittin sena ilu.
Illum tema ewlenija fil-pajjiżi Ewropej tippernja madwar il-mistoqsija – kif spiċċajna niddependu daqshekk mill-Amerikani? Il-kanċellier Ġermaniż Merz poġġa l-mixja Ewropea lejn l-indipendenza bħala r-riżoluzzjoni l-kbira għal dis-sena. Madankollu, l-Ewropej daħlu għal impenji strateġiċi enormi – l-aktar (imma mhux biss) rigward il-gwerra bejn Russi u Ukreni. Jafu li mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu magħhom mingħajr l-Amerikani… anke jekk jingħaqdu “kollha” madwar l-istess miri bl-istess impenn – ħaġa li bl-ebda mod mhi żgura.
DEWMIEN FIL-QRATI
Spekulazzjoni qawwija kienet għaddejja fl-aħħar jiem dwar kif se jintgħażel il-Prim Imħallef u min se jispiċċa jkun. Naqbel li hi mistoqsija importanti. Jiswa li titqanqal u nemmen li se tinstab tweġiba xierqa għaliha.
Biss biex wieħed ikun onest, ikollu jaqbel li hemm mistoqsija aktar importanti minn hekk – li se tibqa’ ssir u li x’aktarx se tibqa’ bla tweġiba sodisfaċenti, ikun min ikun fil-gvern. Meta se jinqata’ tassew id-dewmien fl-ipproċessar tal-każi quddiem il-qrati?
Pereżempju, dan l-aħħar ġie rapportat li qed jinżamm ġuri fuq delitt li seħħ mal-ħmistax-il sena ilu, jekk mhux aktar!! Ġuri ieħor dwar każ ta’ qtil ħafna aktar splussiv, soċjalment u politikament, għadu pendenti wara ma nafx kemm-il sena. Għaliex?
SPAZJI ĦODOR
Ma tistax ma taqbilx mal-argumenti li qed jinġabu biex jiġi assigurat li jekk il-gvern – u sewwa jagħmel – iniedi spażji ħodor ġodda fil-pajjiż – bħala “parks” jew xi ħaġ’oħra, dawn iridu jkunu tassew “ħodor”. Mhux spazji fejn jittellqu passaġġi tal-konkos u jinbnew pjazez fejn jiddaħħlu l-kjoskijiet għall-bejgħ ta’ birer u pizzez, imdawra b’kanali dejqa ta’ ħamrija fejn siġar musfara jitħabtu għan-nifs.
Wisq ta’ spiss qed jiġri li l-ispazji l-ħodor (hekk imsejħa) jispiċċaw soġġetti għax-xenqa mifruxa fostna l-Maltin biex nimxu fuq il-lixx u nixxaħxħu fuq bankijiet qrib ta’ fejn iservuk ħamburger, Coca jew birra. Għandhom raġun dawk li jgħidu kif pjani għall-bini tal-parks il-ġodda jeħtieġu ħsieb aktar wiesgħa minn x’jintqal (anke meta b’kull ġenwinità) fil-laqgħat ta’ relazzjonijiet publiċi ma’ “tfal” u “familji”!

