Sunday, December 29, 2024

DIRETTIVA EWROPEA GĦAD-DRITTIJIET ĠUSTI TAL-ĦADDIEMA TAL-PJATTAFORMA

Aqra wkoll

Id-drittijiet tal-ħaddiema huma inaljenabbli kullimkien u ħadd u xejn m’għandu l-jedd ibagħbas fihom jew jibdel minnhom. Huwa biss bi ftehim bejn il-unjins u min iħaddem li d-drittijiet tal-ħaddiema jistgħu jiġu mġedda, aġġornati u kif ukoll imtejba. U fejn dan jonqos jew ma jkunx effettiv biżżejjed, il-liġijiet ta’ pajjiżna jipprovdu mekkaniżmi effikaċi, fosthom il-konċiljazzjoni u t-tribunali industrijali, għas-soluzzjoni ta’ problemi li jistgħu jinqalgħu.

Iżda fil-kors ta’ dan kollu jfeġġu problemi li jkomplu jikkumplikaw jew iħażżnu s-sitwazzjoni, u dan l-iktar li jolqot ħażin huwa lill-ħaddiema li ma jkunux imsieħba f’ebda unjin minkejja li l-kostituzzjoni ta’ Malta tagħti lil kulħadd id-dritt tal-assoċjazzjoni. Id-dritt li wieħed jissieħeb ma’ liema għaqda jrid.

F’dawn l-aħħar snin rajna jiżdied f’pajjiżna l-fenomenu tal-ħaddiema tal-pjattaforma, ħaddiema li la jafu min qed iħaddimhom u wisq inqas lejn min huma responsabbli. Jafu biss il-pjattaforma li minnha jkunu kisbu x-xogħol tagħhom. Ħafna drabi dawn ma jkunu membri ta’ ebda trejdunjin.

Ix-xogħol fuq pjattaformi huwa forma ta’ impjieg li fiha organizzazzjonijiet jew individwi jużaw pjattaforma online biex ifittxu organizzazzjonijiet jew individwi oħra sabiex isolvu problemi speċifiċi jew biex jipprovdu servizzi speċifiċi bi ħlas. 

Preċedentement, il-fondazzjoni Ewropea dwar titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, il-Eurofound kienet tuża t-terminu ‘impjieg tal-folla’ iżda l-fenomenu tant inbidel u issa jinkludi ħafna aktar tipi ta’ xogħol. 

Konxji ta’ dan, il-Kummissarju Ewropew Nicolas Schmit u l-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew mexxew il-ġlieda għad-Direttiva b’saħħitha għad-drittijiet effettivi tal-ħaddiema tal-pjattaforma sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema jkunu ġusti għal kulħadd. 

Fil-fatt, il-Presidenza tal-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi (PES) dan l-aħħar adottat riżoluzzjoni li tappoġġja drittijiet b’saħħithom għall-ħaddiema tal-pjattaformi. 

Infakkru wkoll li fl-2019, Frans Timmermans li dakinhar kien il-kandidat ewlieni tas-Soċjalisti għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, waqt il-kampanja tiegħu kien iddikjara li żagħżugħ fuq mutur li jwassal l-ikel għal pjattaforma online mhuwiex intraprenditur. Dik id-dikjarazzjoni ta’ Timmermans aħna nemmnu fiha bis-sħiħ.

Dan nemmnuh għax il-ħaddiema kollha tal-pjattaformi jistħoqqilhom li jkollhom status ta’ impjieg ċar bħala impjegati bid-drittijiet li jikkorrispondu għal dan l-istatus mingħajr lakuni li jippermettu lill-pjattaformi jevadu l-istandards tax-xogħol.

Ekonomija

Sport