Wednesday, March 27, 2024

“Min iħaddem m’għandux ikun xħiħ mas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”

il-President waqt il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella ħeġġeġ lil kull min iħaddem biex ma jkunx xħiħ fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Waqt iċ-ċerimonja ‘Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022’ organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, il-President irrefera għall-inċidenti fuq il-post tax-xogħol li wħud minnhom kienu fatali.

“Min iħaddem u l-awtoritajiet responsabbli għandhom ikunu xprun ta’ inizjattivi li jevitaw u jwarrbu lill-impjegati minn diżgrazzji li jkunu jistgħu jiġu evitati bi ftit aktar attenzjoni u dixxiplina,” qal il-President Vella.

Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena jirrikonoxxi d-dedikazzjoni u l-bżulija tal-ħaddiema, bil-President jgħid li pajjiżna minn dejjem kien magħruf għall-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema tiegħu.

“F’dawn l-aħħar snin żdiedu sew il-ħaddiema barranin fostna. Dawn kienu, għadhom u se jibqgħu element kruċjali fis-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna. Filwaqt li nirringrazzjahom tal-kontribut validu tagħhom, nixtieq li kull wieħed minn dawn jiġi trattat b’rispett u b’dinjità għas-servizz li jkunu qed jagħtu,” qal il-President.

Waqt li radd ħajr lill-ħaddiema kollha tas-sagrifiċċji li għamlu matul il-pandemija, il-President Vella ħeġġeġ lil min iħaddem biex ikomplu jagħmlu użu mis-sistemi elettroniċi anke issa li r-restrizzjonijiet huma xi ħaġa tal-passat.

“Nemmen li s-sistemi varji li tħaddmu offrew bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, tnaqqset il-ħafna konġestjoni mit-toroq u mill-uffiċini fejn anke l-konsumatur tgħallem juża sistemi elettroniċi għal bosta servizzi,” stqarr il-President George Vella.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, qal li għalkemm l-isforz tal-Gvern huwa ferm importanti biex inkomplu niksbu riżultati pożittivi fl-ekonomija tagħna, il-verità hija li żgur ma kinux jinkisbu dawn ir-riżultati li kieku ma kienx għall-bżulija tal-ħaddiema u l-ispirtu intraprenditorjali tan-negozjant Malti.

Waqt id-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari għamel referenza għal diversi introduzzjonijiet legali li daħlu fis-seħħ matul din l-aħħar sena bl-għan li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Waqt li awgura lir-rebbieħa u s-semifinalisti kollha, is-Segretarju Parlamentari qalilhom li jridu jkunu “t’ispirazzjoni għall-kumpaniji l-oħrajn sabiex iħaddnu aktar il-prinċipju tal-inklussività u li jagħrfu li meta l-ambjent tax-xogħol ikun wieħed tajjeb, il-ħaddiema ser ikunu aktar produttivi u b’hekk jagħmlu dmirijiethom b’aktar passjoni u mħabba.”

Ir-rebbieħa huma:

  • Premju Nazzjonali Ħaddiem/a tas-Sena – Claire Mallia, learning support educator fl-iskola ta’ Stella Maris
  • Maniġer/Kap tas-Sena – Ramon Deguara, Direttur Ġenerali tad-diviżjoni tal-Manutenzjoni u tindif
  • Tim tas-Sena – Oncology Ward 1
  • Organizzazzjoni li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja privata – Alliance, Santa Venera
  • Premju għall-aħjar Imprenditriċi – Janice Azzopardi, Sensara Malta
  • Premju għall-aħjar Imprenditur – Mario Said, Scotts Ltd
  • Premju għall-aktar Mexxej/ja Żagħżugħ/a Ispiranti – Martina u Carlos Borg, Carisma
  • Premju għall-aktar Kumpanija li tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali – V Squared u Gadgets
  • Premju għall-aktar Organizzazzjoni Inklussiva – Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
  • Premju ta’ lifetime achievement – Raymond Scicluna, Skrivan tal-Kamra fil-Parlament ta’ Malta
Ekonomija

Sport