Tmint itfal u persuna adulta mietu wara li kielu laħam tal-fekruna tal-baħar fil-gżira Pemba fl-arċipelagu ta’ Zanzibar, filwaqt li kien hemm ukoll 78 persuna oħra li kellhom jittieħdu l-isptar.
Il-laħam tal-fekruna tal-baħar huwa meqjus bħala “delikatezza” f’Zanzibar iżda perjodikament jirriżulta wkoll f’imwiet minn chelonitoxism, tip ta’ avvelenament mill-ikel.
Il-persuna adulta li tilfet ħajjitha l-Ġimgħa kienet omm ta’ waħda mit-tfal li wkoll mietu aktar qabel wara li kkunsmaw dan it-tip ta’ laħam it-Tlieta li għadda. Minn aktar testijiet li saru, irriżulta li l-vittmi kollha kienu kielu dan il-laħam.
L-awtoritajiet f’Zanzibar ħadu azzjoni billi bagħtu tim apposta għal aktar verifiki filwaqt li ħeġġew lin-nies sabiex jevitaw li jikkunsmaw fkieren tal-baħar.