Saturday, October 26, 2024

Disa’ xhur ħabs u €4,000 multa wara li ħebb għal diversi uffiċjali tal-Pulizija

Aqra wkoll

Mario Baldacchino ta’ 52 sena residenti Ħal Qormi kien ikkundannat disa’ xhur ħabs u mmultat €4,000 wara li ammetta li ħebb għal diversi uffiċjali tal-pulizija u kkawżalhom xi ġrieħi, kif ukoll li kien reċediv.

Il-każ seħħ nhar il-Ħadd 26 ta’ Settembru 2021, għall-ħabta tal-4.00 p.m. meta l-Pulizija kienet qiegħda tinvestiga rapport fi Triq il-Kus, Ħal Qormi. Dak il-ħin il-Pulizija marru fuq il-post sabiex ikellmu lil Baldacchio dwar rapport ta’ aggressjoni u theddid fil-konfront ta’ persuna oħra.

Meta kienu qed ikellmuh, ir-raġel allegatament sar aggressiv fl-atteġġjament tiegħu u beda wkoll jonqos milli jobdi l-ordnijiet tal-pulizija. Huwa pprova wkoll jaħrab meta qalulu li se jiġi arrestat.

Wara li semgħet lil Baldacchino jammetti l-akkużi, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke sabitu ħati u kkundannatu piena ta’ disa’ xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €4,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Agius u Kevin Pulis.

Sport