Thursday, April 18, 2024

Il-BOV ipoġġi l-pensjonijiet offruti mill-post tax-xogħol fuq l-aġenda matul is-seminar tal-MHRA

Aqra wkoll

Matul l-aħħar snin, il-Bank of Valletta u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin (MHRA) nedew sħubija reċiproka li sena wara sena kompliet tikber konsiderevolment.

Permezz ta’ din is-sħubija, il-BOV jappoġġja l-MHRA u l-membri tagħha billi jaqsam magħhom għarfien dwar l-industrija, janalizza strumenti finanzjarji u jidentifika kif dawn jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-membri tal-MHRA u l-impjegati tagħhom.

Matul l-aħħar Seminar imtella’ mill-MHRA, li sar fit-22 ta’ Lulju 2022, Claire Falzon, Manager Business Generation & Support fi ħdan il-Wealth Management tal-Bank of Valletta, qajmet is-suġġett tal-pensjonijiet offruti mill-post tax-xogħol.

Pjan alternattiv għal pensjoni li joffri l-istat

Matul dawn l-aħħar snin, il-profil tal-pensjonijiet, kemm dawk offruti mill-postijiet tax-xogħol kif ukoll dawk mill-privat, kiber b’mod sinifikanti. Permezz tal-pensjonijiet offruti minn min iħaddem, l-impjegati jkollhom pjan alternattiv ma’ dak tal-pensjoni li joffri l-istat, liema pjan huwa aktar familjari maċ-ċittadini. B’mod prattiku, kemm il-pensjonijiet tal-post tax-xogħol kif ukoll il-pensjonijet privati, huma l-għodda ideali biex individwu jissupplimenta l-pensjoni li
jingħata mill-istat.

Il-pensjonijiet tal-post tax-xogħol joffru benefiċċji importanti kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegat. Pjanijiet jibdew minn ammount minimu ta’ €100 kull xahar, fejn kemm min iħaddem kif ukoll l-impjegat jistgħu jikkontribwixxu għal dan l-ammont. Min iħaddem iniedi l-iskema u jiddeċiedi kif din se topera; dan jinkludi il-parametri li jistabilixxu l-kontribuzzjonijiet li l-kumpanija se tkun qed tagħmel lejn l-iskema. Dan jissarraf f’benefiċċji mill-aktar importanti għal min iħaddem, anke mil-lat ta’ taxxa peress li l-pensjonijiet tal-post tax-xogħol jikkwalifikaw għall-inċentivi fuq it-taxxa li jibdew minn madwar 25% sal-limitu massimu stabbilit mill-Gvern.

Taħt il-leġislazzjoni preżenti, kumpanija li toffri tali skema tista’ tgawdi minn kreditu tat-taxxa sa madwar €750 għal kull impjegat kull sena. Bl-istess mod, l-impjegat huwa eleġibbli għall-kreditu tat-taxxa ekwivalenti għall-kontribuzzjoni tiegħu/tagħha lejn il-pensjoni tal-post tax-xogħol. Din it-tip ta’ kontribuzzjoni m’għandha l-ebda effett dirett fuq kwalunkwe kreditu tat-taxxa li mpjegati jkunu jistgħu diġà qed igawdu minnu taħt skema ta’ pensjoni privata.

L-ewwel pass huwa essenzjali

“Pensjonijiet fuq il-post tax-xogħol huma strument ideali biex niżguraw l-istandards attwali tal-għajxien ladarba naslu biex nirtiraw,” spjegat is-Sa Falzon. Huwa fatt li mhuwiex dejjem faċli nistabbilixxu d-distakk bejn il-pensjoni tal-istat u l-ammont li wieħed jeħtieġ biex ikollu l-istil ta’ ħajja li jixtieq. “Iżda dan huwa preċiżament għaliex huwa kritiku li nagħmlu l-ewwel pass u nibdew infaddlu fuq bażi regolari,” kompliet l-istess kelliema, filwaqt li saħqet fuq il-bżonn li wieħed jikkonsidra fatturi bħalma huma l-inflazzjoni u l-ambizzjonijiet personali.

Fl-istess waqt, hija tenniet li meta joffru skemi ta’ pensjonijiet tal-post tax-xogħol, kumpaniji jkunu qed iżidu l-kompetittiva tagħhom. “F’dinja fejn il-kumpaniji jikkompetu biex jattiraw u jżommu t-talent, li tniedi u tikkontribwixxi lejn skema ta’ pensjoni tal-post tax-xogħol taf tagħmel differenza kbira, waħda li tagħti lil min iħaddem vantaġġ deċiżiv.”

Il-BOV huwa sieħeb finanzjarju strateġiku

Mhux dejjem faċli tippjana għall-futur, imma dan m’għandux għalfejn ikun diffiċli. Sieħeb finanzjarju jista’ jagħmel id-differenza kollha, u l-Bank of Valletta qed joffri l-appoġġ tiegħu lil dawk il-kumpaniji interessati li jwaqqfu skemi ta’ pensjoni, kif ukoll lil individwi li qed ifittxu biex jippjanaw għall-futur. Wieħed jista’ jikkuntattja l-Bank għall-appoġġ jew gwida f’wieħed miċ-Ċentri tal-Investiment tal-Bank jew f’waħda mill-fergħat tiegħu. Min huwa interessat mistieden jagħmel kuntatt mal-Bank għal appuntament permezz ta’ email fuq [email protected] jew billi jċempel fuq in-numru 2275 1627.

Ekonomija

Sport