Sunday, December 22, 2024

DISKORS KONVINĊENTI QUDDIEM MUMENT TA’ SFIDA

Aqra wkoll

Il-paraguni huma odjużi imma fil-politika ma jistax ma jsirux il-paraguni. Mid-diskors tal-Prim Ministru nhar it-Tlieta fil-Parlament ħarġet ċara d-differenza kbira li hemm bejn Robert Abela u Bernard Grech. Filwaqt li l-Prim Ministru, fid-diskors tiegħu kien punġenti, fattwali u ċar fl-argumenti tiegħu, min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni, f’diskorsu jum qabel, kien fjakk u nieqes għalkollox  mis-sustanza.

Il-Prim Ministru mhux biss ġab fix-xejn l-argumenti u l-allegazzjonijiet li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, imma aktar minn hekk, wera li l-oppożizzjoni la għandha viżjoni u wisq inqas direzzjoni lejn fejn trid li l-pajjiż imur fil-futur.

Għax jekk kellna niflu sew dak li qal jew qara l-Kap tal-Oppożizzjoni bi tweġiba għad-diskors tal-Budget 2023, ma nsibu xejn għajr negattiviżmu  kontinwu u narrattiva li l-poplu issa dara u ma jridx jisma aktar bihom.

Fil-fehma tagħna, mhux biss id-diskors ta’ Dr Grech kien mibni fuq retorika żbaljata u f’xi waqtiet kontradittorja imma wkoll wera kemm il-Partit Nazzjonalista huwa ‘l bogħod mir-realtajiet tal-lum iktar u iktar mill-ħtiġijiet tal-familji speċjalment dawl li l-aktar huma fil-bżonn tal-għajnuna.

Min-naħa l-oħra, il-prim ministru kien iffukat jispjega miżura b’miżura dak kollu li sawwar il-budget filwaqt li wkoll wieġeb għal dak kollu li qal Bernard Grech.

Il-poplu llum jinteressah l-aktar li jgħix fi trankwilità, li għada jgħix ħajja aħjar minn tal-lum. U dak kollu li kien qed jistenna, il-poplu sabu fil-miżuri tal-soċjali tal-budget 2023 għax kif qal il-Prim Ministru, il-Gvern Laburista kien u se jkun il-ħin kollu għan-nies u man-nies. Għalhekk Malta ċertezza u stabbilità.

Għax fi kriżi globali bla preċedent li qed taħkem lid-dinja bħalissa u li qed tgħolli l-prezzijiet speċjalment tal-enerġija, fjuwil u ikel b’rati allarmanti, bl-għajnuna li qed jagħti l-Gvern kif riflessa fid-diskors tal-Prim Ministru, il-familji, il-ħaddiema u n-negozji mhux qed iħossu t-toqol tal-effetti tal-kriżi daqskemm qed iħossuha l-popli ta’ pajjiżi oħra li ekonomikament huma ferm iktar b’saħħthom minna. U dan hu li spjega tajjeb il-Prim Ministru nhar it-Tlieta fil-Parlament.

Il-messaġġ kien ċar fid-diskors tal-Prim Ministru, illi l-ewwel u l-aqwa prijorità tal-budget 2023 hija l-ġid, il-benesseri u s-serħan tal-moħħ tal-poplu Malti u Għawdxi. Ġid li jista’ jinħoloq u jitkattar biss bi tmexxija għaqlija li twassal għal aktar tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Ekonomija

Sport