Tuesday, May 14, 2024

ARA: Is-sid se jħallas għall-operazzjoni biex l-art tirritorna għall-istat oriġinali

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum, l-akbar scrapyard illegali f’Għawdex li tinsab fil-limiti tax-Xewkija hija suġġetta għal operazzjoni ta’ azzjoni diretta mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-Awtorità qed tuża makkinarju biex tneħħi dak li huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar siti bi żvilupp illegali f’Għawdex. 

L-iscrapyard illegali, li għandha area superfiċjali ta’ aktar minn 15,000m² u li tinsab tul Triq Il-Kav. Lorenzo Zammit Haber, ilha għal numru ta’ snin tiżviluppa f’sit ta’ dumping mhux immaniġġjat li jaċċetta kull tip ta’ oġġetti industrijali u domestiċi. Is-sit huwa mimli b’amonti kbar ta’ karozzi skrappjati, trakkijiet, tyres, appliances u tagħmir elettroniku. Sid l-art ma mexxiex ma’ l-avviżi u t-twissijiet ta’ infurzar tal-Awtorità. 

Tagħbijiet ta’ trakkijiet ta’ materjal mormi bdew jinġarru f’siti liċenzjati għall-immaniġġjar tal-iskart. L-operazzjoni li ser tkompli fil-jiem li ġejjin ser tara li titneħħa għal kollox l-attività illegali u l-materjal mormi fis-sit, filwaqt li s-sit jerġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu. L-ebda permess għall-iżvilupp qatt ma nħareġ fuq dan is-sit. 

Qabel l-operazzjoni, l-Awtorità ħadmet ma’ entitajiet oħra fosthom l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent u l-WasteServe biex tiżgura li r-rimi tal-materjal miġbur jiġi mormi kif suppost. 

It-tim tal-Azzjoni Diretta fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħed ikun assistit minn membri tar-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija. L-ispejjeż tal-operazzjoni ser jitħallsu mis-sid tal-art. 

L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li vetturi dilapidati u skart ieħor simili għandhom jintremew biss, b’mod responsabbli f’faċilitajiet tal-iskart liċenzjati.

Sport